L-Italja ordnat il-konfiska tal-jott b’valur ta’ $700 miljun, li huwa mifhum li għandu rabtiet mal-President Russu Vladimir Putin
Il-jott bl-isem ta’ Sheherazade ilu għat-tiswijiet f’port fit-Toskana minn Settembru tas-sena li għaddiet.
Il-Ministeru tal-Finanzi tal-Italja qal li sid il-jott kellu rabtiet ma’ “elementi prominenti tal-gvern Russu”.
Il-jott se jkun qiegħed jiġi kkonfiskat skont sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fuq ir-Russja, li ddaħħlu b’reazzjoni għall-invażjoni fl-Ukrajna. Sussegwentament numru ta’ bastimenti oħra ġew konfiskati minħabba l-ħruġ ta’ dawn is-sanzjonijiet.
Is-sid eżatt tas-Sheherazade għadu ma ġiex stabbilit iżda uffiċjali Amerikani qalu lin-New York Times li dan jista’ jappartjeni lill-President tar-Russja.
Il-partitarji tal-kap tal-oppożizzjoni Russa Alexei Navalny għamlu wkoll l-istess rabtiet bejn il-bastiment ta’ 140 metru u l-President Russu.
Rapporti oħra jissuġġerixxu li l-jott, li għandu żewġ żoni fejn jinżlu l-ħelikopters u pixxina ġewwa, huwa proprjetà ta’ Eduard Khudainatov, l-eks kap ġgant tal-enerġija Rosneft li bħalissa mhux fil-mira tas-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Ħafna superyachts huma assoċjati ma’ biljunarji Russi iżda ħafna drabi jkun hemm proċess sigriet – ħafna drabi dawn jiġu reġistrati permezz ta’ sensiela ta’ kumpaniji offshore. Diversi minnhom diġà ġew maqbudin minn pajjiżi tal-Punent.