Monday, May 6, 2024

Hamrun Spartans itemmu fit-tielet pożizzjoni

Aqra wkoll

Birkirkara …. 0

Hamrun S. ….1

Hamrun Spartans akkwistaw it-tielet post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier meta għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 1-0.

Din ir-rebħa kienet tfisser li  fl-istaġun li ġej l-Ispartans se jipparteċipaw fil-UEFA Europa Conference League.

Dan ifisser ukoll li Birkirkara huma barra kompletament mill-Ewropaw minħabba li Gzira United spiċċaw fir-raba’ post.

Mal-ftuħ tal-partita, huma bdew juru aktar determinazzjoni u fil-11-il mi­nuta, Matteo Fedele għadda tajjeb fuq ix-xellug  u tefa’ ballun fil-baxx lejn Franklin Sasere iżda Kurt Zammit laħaq qablu u kklerja f’corner.

Żewġ minuti wara, Hamrun reġgħu kienu perikolużi meta Faissal El Bakhtaoui dendel ballun tajjeb lil Ailton Soa­res iżda Ryan Scicluna antiċipah tajjeb.

Fl-14-il minuta, l-Ispartans fetħu l-iskor meta minn cross ta’ Fedele, deher li kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-goalkeeper Daniel Fernandes u d-difensur Enrico Pepe biex FRANKLIN SASERE tefa’ l-ballun ġewwa mill-viċin.

Ir-reazzjoni Karkariża kie­net waħda fqira u kien biss fil-35 minuta li huma resqu viċin bi cross ta’ Enzo Ruiz li minnu Luke Montebello tefa’ barra bir-ras.

Fl-40 minuta, l-Ispartans reġgħu resqu viċin meta Fedele għadda lejn Soares u mill-cross ta’ dan, Sasere falla bi ftit bir-ras. Minuta wara, Fedele għadda l-ballun lil Mbong fil-kaxxa iżda x-xutt ta’ dan ġie mblukkat mill-viċin minn Fernandes.

Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, Mbong għadda lil Fedele fil-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet im­dawra f’corner minn Fernandes.

Mill-corner, it-tentattiv ta’ El Bakhatoui ġie mblukkat minn Fernandes u l-istess goalkeeper Karkariż jerġa’ jimblokka r-rebound ta’ Fe­de­le.  Tmien minuti fit-tieni taqsima, Federico Falcone mpenja lil Henry Bonello permezz ta’ daqqa ta’ ras wara free-kick ta’ Claudio Bonanni mil-lemin iżda kienu xorta Hamrun li komplew igawdu mill-inizjattiva.

Fit-63 minuta, wara ħarba ta’ Juan Corbalan, Fedele ttanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa iżda Fernandes salva tajjeb.

Il-Ħamruniżi baqgħu jikkontrollaw sal-aħħar bl-aħjar ċans għal Birkirkara ja­sal sitt minuti mit-tmiem permezz ta’ free-kick iżda Bo­nello salva bla tbatija.

BIRKIRKARA: 1-Daniel Fernandes, 2-Enzo Ruiz, 5-Enrico Pepe, 7-Luke Montebello (25-Oscar Carniello 79), 8-Claudio Bonanni, 10-Paul Mbong (24-Nathan Cross 73), 11-Kurt Zammit, 20-Federico Falcone (30-Kilian Bevis 62), 21-Ryan Scicluna, 27-Leandro Aguirre, 70-Jeferson Macedo (23-Bismark Ngissah 79)   – Coach: Jo­nathan Holland

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Dako Gojkovic, 7-Joseph Mbong, 10-Ailton Jorge Soares (33-Isaac Ntow 69), 12-Arthur Oyama, 15-Steve Borg, 17-Franklin Sasere (23-Luke Gambin 77), 20-Matteo Fe­dele, 28-Juan Carlos Corbalan, 91-Emerson Marcelina, 92-Faissal El Bakhtaoui (29-Predrag Djordjevic 88)   – Coach: Branko Nisevic

REFEREE: Matthew Degab­riele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Malcolm Spiteri

SKORER: F. Sasere 14 (B)

AMMONITI: F. El Bakthaoui, M. Fedele, J. Corbalan, L. Gambin, E. Marcelina, I. Ntow (Ħ); R. Scicluna, J. Macedo, K. Zammit (B)

Sport