Wednesday, April 24, 2024

Miċħuda eċċezzjonijiet f’każ dwar allegat stupru ta’ mara vulnerabbli

Aqra wkoll

L-eċċezzjonijiet li ressaq żagħżugħ akkużat li stupra mara vulnerabbli li tiġi omm it-tfajla tiegħu, ġew miċħuda lkoll mill-Qorti partikolarment dik fejn talab li ma titteħidx inkonsiderazzjoni x-xhieda ta’ Surġent li skont l-akkużat dan ma kienx imqabbad mill-Qorti biex jagħmilha ta’ espert fil-każ.

Iż-żagħżugħ qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża li jinkludu stupru aggravat, li b’qerq jew imġiba illegali oħra wassal biex persuna twettaq atti mhux kunsenwali ma’ persuna oħra, li żamm żewġ persuni kontra l-volontà tagħhom, li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età. 

Fl-Att tal-Akkuża jingħad li f’Jannar tal-2019, l-akkużat beda jiltaqa’ ma’ tfajla minorenni f’Wied il-Għajn u wara xi żmien ta’ din ir-relazzjoni, mar jgħix magħha fid-dar fejn kienu jgħixu wkoll il-ġenituri tagħha. Intqal li minħabba l-vulnerabbiltà li kellha l-omm, huwa beda jinbixha u jiddieħak biha. 

Fl-Att tal-Akkuża jingħad ukoll li meta l-akkużat kien ikun fir-residenza tagħha, huwa kien jinħeba u jagħmel vuċi b’tonalità ħoxna u baxxa, iwaqqa’ u jkisser affarijiet taparsi b’mod misterjuż u jagħtiha qtajja’ liema bħalhom. L-omm, fil-vulnerabbiltà tagħha, kienet titwerwer u taħseb li din kienet xi vuċi u xi għemil ta’ xi spirtu jew xitan. 

Żied jingħad li l-akkużat beda jagħtiha l-ordnijiet biex hija tagħmel jew ma tagħmilx xi affarijiet u allegatament beda wkoll jaħsadha meta tinżel minn fuq għax kien jipprepara minn qabel is-sigaretti weqfin wieħed wieħed fuq il-mejda biex hija taħseb li xi spirtu ħażin kien qed jgħaddilha xi messaġġ.

Kulma jmur l-omm bdiet tkun aktar anzjuża, u żewġha iddejjaq u telaq jgħix għand il-ġenituri tiegħu fejn hemmhekk kienet toqgħod ukoll bintu l-kbira. Ġara li din tal-aħħar kienet laqgħet l-istedina ta’ oħtha u l-ġuvni tagħha (l-akkużat) biex tmur tara l-kelb li ġabu f’din id-dar u ommha rrakkuntatilha minn xiex kienet għaddejja, għax xtaqet issib lil xi ħadd jismagħha, jemminha u jikkonfortaha.

F’dan il-mument, din it-tifla bdiet tisma’ ħsejjes ta’ affarijiet jinkisru u ħassitha wkoll maħkuma mill-biża’. Riedet titlaq u toħroġ ‘il barra mid-dar, però meta ġriet lejn l-entratura, sabiet il-bieb ta’ barra msakkar u ċ-ċavetta tal-istess bieb ma kinitx fis-serratura. 

Intqal li l-akkużat inħeba u għamel l-istess vuċi b’tonalità ħoxna u baxxa li kien werwer lil ommha. Allegatament huwa ġegħelha tavża lin-nanniet tagħha li ma kinitx se tmur lura, biex ma tixrifx ‘il barra minn dik id-dar u biex hija u oħtha jinħaslu flimkien. 

Dakinhar l-akkużat u t-tfajla tiegħu allegatament servew kwantità ta’ inbid u whiskey lill-omm u lil bint u l-għada filgħodu t-tifla stenbħet fi ħwejjeġ differenti u mingħajr ħwejjeġ ta’ fuqha. 

Fil-ġranet ta’ wara, ingħad li l-akkużat iddeċieda li jżid il-biża’ u permezz tal-istess intriċċi tahom aktar ordnijiet. Ġie allegat ukoll li matul il-lejl kien ordnalhom ineħħu ħwejjiġhom u jirrakkontaw l-esperjenzi sesswali filwaqt li jagħmlu atti sesswali mhux kunsenswali. Dan kollu seħħ meta huwa kien fl-istess kamra mat-tfajla tiegħu minorenni, minn fejn hija setgħet tisma’ u tosserva kollox. 

L-Att tal-Akkuża tgħid ukoll li taħt din il-pretiża manipulattiva, l-akkużat wasal biex allegatament stupra lil omm it-tfajla meta daħħal lasta ta’ xkupa fil-parti ġenitali tagħha. Dan l-allegat reat wassal għal ħsara kbira psikoloġika fuq l-omm.

“L-akkużat instiga l-episodji dawn l-episodji moqżieża sabiex iservu ta’ spettaklu għalih. Dan għamlu a skapitu ta’ persuni li minkejja li qatt ma taw il-kunsens espliċitu u liberu tagħhom għal dawn l-attivitajiet, kienu soġġettati għal imġiba indiċenti, umiljanti u sesswalment degradanti,” qal l-Avukat Ġenerali fl-Att tal-Akkuża.

Sadanittant, l-akkużat ressaq numru ta’ eċċezzjonijiet preliminari fejn talab fost oħrajn lill-Qorti tiddikjara bħala inammissibbli u konsegwentement tisfilza x-xhieda ta’ Surġent kif ukoll ir-rapport tiegħu peress li skontu “dan ma kienx inkarigat jagħmel dan bħala espert tal-Qorti iżda ġie mqabbad jagħmel dan mill-Ispettur Eman Hayman.”

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet din l-eċċezzjoni u qalet li għandu jkun l-Imħallef li jinforma lill-ġurati li l-esperti maħtura mill-Qorti biss jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom fil-proċeduri u sussegwentement tħalli f’idejhom sabiex jgħaddu għall-ġudizzju tagħhom. 

Il-Qorti ċaħdet ukoll eċċezzjonijiet li jirrigwardjaw id-data extraction tal-mobile ta’ waħda mill-allegati vittmi u anke fuq screenshots li ttieħdu minn fuq Facebook billi qalet li f’dan l-istadju ma tafx jekk l-Avukat Ġenerali hux se jagħmel użu minn dawn l-istess screenshots.

Sport