Monday, December 23, 2024

L-Italja tordna li l-immigranti salvati jitpoġġew fuq bastiment fi kwarantina

Aqra wkoll

Miktub minn Melvin Farrugia

L-Italja ordnat li 156 immigrant li hemm abbord l-Alan Kurdi għandhom jiġu ttrasferiti fuq bastiment ieħor u jinżammu hemm fi kwarantina. 

L-immigranti, li skont ma qed tirrapporrta l-BBC huma mill-Afrika u mil-Lvant Nofsani, iridu mbagħad jgħaddu minn kontrolli tas-saħħa. 

L-Alan Kurdi ġie miċħud milli jidħol fil-portijiet tal-Italja u ta’ Malta. Dan minħabba li hemm biża’ ta’ firxa akbar tal-Coronavirus. 

Il-Ministru tat-Trasport Taljan qal li dawn il-passi li qed jittieħdu huma neċessarji peress li s-servizzi tas-saħħa fi Sqallija diġà huma mġebbdin iżżejjed. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Angelo Borrelli saħaq li jekk l-immigranti jitħallew jinżlu minn fuq il-bastiment, li hu operat mill-grupp umanitarju Ġermaniż Sea-Eye, dan se jpoġġi wisq pressjoni fuq l-awtoritajiet lokali tal-gżira. 

Ta’ min wieħed jgħid li sal-bieraħ l-Italja kellha 19,899 każ ta’ mwiet bil-Coronavirus u aktar minn 156,363 każ ikkonfermat ta’ persuni infettati. 

Għaldaqstant, Borrelli ffirma dokument ilbieraħ filgħaxija, fejn ordna lill-Gwardja tal-Kosta biex bl-assistenza tar-Red Cross Taljana, tipprovdi bastiment fis-sigħat li ġejjin biex tpoġġi fi kwarantina u tittestja lill-156 immigrant qrib l-ibħra territorjali Taljani. 

S’issa għadha ma tteħditx deċiżjoni fejn se jittieħdu l-immigranti, li ġew salvati minn dgħajjes żgħar lil hinn mill-kosta Libjana. 

Min-naħa tagħha, l-Italja kienet qalet li l-immiganti salvati u miġjuba lejn ix-xtut huma responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea u għandhom jitqassmu bejn l-istati membri. 

Min-naħa l-oħra, is-Sea-Eye talbet lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex isibu soluzzjoni permanenti għal din il-kriżi fil-Mediterran. 

Irid jingħad ukoll li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja saħqet li l-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka kisru l-liġi Ewropea billi rrifjutaw milli jieħdu refuġjati skont il-ftehim li kien hemm biex jonqos il-piż minn fuq l-Italja u l-Greċja.

Ekonomija

Sport