Monday, December 23, 2024

L-ittra ta’ Napuljun ser tibqa’ esebita sal-aħħar ta’ Novembru

Aqra wkoll

Wara l-entużjażmu tal-pubbliku biex jara l-ittra li Napuljun bagħat lill-Ġeneral Desaix bi pjanijiet għall-invażjoni ta’ Malta fl-1798, Heritage Malta qiegħda testendi din l-esebizzjoni sal-aħħar ta’ Novembru 2020. Id-dħul huwa bla ħlas.

L-ittra tal-Ġeneral Napuljun Bonaparte bħalissa tinsab għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta, flimkien ma’ diversi artifatti oħra b’rabta mal-ħakma Franċiża f’Malta. Eventwalment, dan id-dokument storiku se jsib postu mal-esebiti tal-Mużew Marittimu fil-Birgu.

Il-faxxinu ta’ din l-ittra jinsab fir-rabta diretta tagħha maż-żagħżugħ Bonaparte f’punt kruċjali tal-karriera militari tiegħu. Ir-rabta espliċita tal-ittra ma’ Malta tkompli żżid mas-sinifikat tagħha.

Flimkien ma’ dan id-dokument storiku, il-pubbliku jista’ jara l-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli, ippubblikat f’Ruma f’Mejju tal-1791; xkubetta Franċiża li ngħatat lit-truppi Maltin wara l-1790; buttuna li kienet tifforma parti minn uniformi militari Franċiża fl-1792 – 3; u xabla Maltija b’manku tar-ram li bejn wieħed u ieħor tmur lura għall-1750.

Xabla bħal din setgħet intużat minn Santu Formosa, magħruf bħala t-Tigra, biex joqtol lil Kavallier Franċiż suspettat li kien qed jikkopera mal-Franċiżi waqt li l-bastimenti ta’ Desaix kienu qed iniżżlu t-truppi fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.heritagemalta.org.

Ekonomija

Sport