Wednesday, April 24, 2024

L-ittra ta’ Napuljun tqanqal interess kbir fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

Aqra wkoll

L-ittra li biha Napuljun Bonaparte ta l-kmand lill-Ġeneral Desaix biex jibda jippjana l-invażjoni ta’ Malta fl-1798, qanqlet interess kbir fost il-pubbliku Malti fl-ewwel jum tagħha esebita fil-Mużew tal-Arkeoloġija, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020.

Heritage Malta akkwistat dan l-artefatt uniku f’Lulju li għadda għas-somma ta’ €60,000, f’irkant organizzat minn Sotheby’s. L-ittra qed tiġi esebita għall-ewwel darba fil-pubbliku fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku u se tibqa’ għall-wiri sa tmiem din il-ġimgħa.

Flimkien magħha hemm esebiti diversi oġġetti oħra ta’ interess li għandhom rabta mal-perjodu tal-ħakma Franċiża f’Malta, fosthom xkubetta Franċiża mogħtija lit-truppi Maltin wara l-1790, buttuna ta’ uniformi militari Franċiża li tmur lura għall-1792-93, kopja tal-Lexicon li Mikiel Anton Vassalli ppubblika fl-1791 u xabla Maltija li waħda bħalha setgħet intużat biex jinqatel kavallier Franċiż suspettat li kien qed jikkopera mal-Franċiżi waqt li l-bastimenti ta’ Desaix kienu qed iniżżlu t-truppi fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku wkoll, illum Heritage Malta fetħet mingħajr ħlas il-mużewijiet tal-Belt Valletta. Minkejja r-restrizzjonijiet imposti mill-imxija tal-Covid-19, il-pubbliku rrikorra bi ħġaru biex iżur dawn il-mużewijiet, dejjem f’osservanza stretta tar-regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-konkorrenza fis-siti u fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta b’mod ġenerali qed tkun inkoraġġanti ħafna, partikularment wara l-introduzzjoni tal-iskema tal-passaporti għall-istudenti u għall-anzjani li permezz tagħha l-attendenza tal-Maltin żdiedet b’madwar 80,000 persuna.

F’diskors li għamel fil-Mużew tal-Arkeoloġija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fisser ix-xogħol estensiv ta’ restawr li ilu għaddej f’dan il-mużew u li ngħata spinta qawwija fix-xhur meta l-mużew kien magħluq għall-pubbliku minħabba l-imxija tal-Covid-19. Dan ix-xogħol jinkludi fost l-oħrajn il-bdil tas-saqaf tal-Gran Salon u r-restawr tal-faċċati kollha tal-bitħa interna tal-mużew. Qed issir ukoll riċerka storika u sondaġġi fiżiċi f’diversi partijiet tal-binja, biex wieħed jifhem aħjar l-istorja twila u rikka tal-Berġa ta’ Provenza, li fiha tilqa’ l-Mużew tal-Arkeoloġija fil-qalba tal-Belt Valletta.

Is-Sur Cutajar qal li din il-ħidma kollha qed issir fil-qafas tal-viżjoni ta’ Heritage Malta għas-siti u għall-mużewijiet li tindokra fil-belt kapitali, biex ilkoll flimkien joffru esperjenza ħolistika u unika lill-viżitaturi.

Is-Sur Cutajar żar ukoll il-kollezzjoni ta’ riżerva tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti MUŻA, fil-Belt Valletta wkoll. Huwa seta’ japprezza l-investiment qawwi li sar biex din il-kollezzjoni tkun viżibbli għal min jixtieq iżurha għall-interess jew għal skop ta’ riċerka.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena għandha t-tema ‘Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek’ u tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa, 25 ta’ Settembru.

Sport