Friday, December 27, 2024

L-ivvizzjat b’mard mentali relatat ma’ vizzji oħrajn

Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni - Fondazzjoni Logħob Responsabbli [email protected]

Aqra wkoll

Skont statistika maħruġa minn QuitGamble.com 96% tal-persuni vvizzjati bil-logħob tal-azzard madwar id-dinja jilħqu wkoll il-kriterji kollha għal mard mentali ieħor.

Fl-isfond tal-jum iddedikat għall-mard mentali madwar id-dinja li jiġi mfakkar fl-10 ta’ Ottubru, il-Fondazzjoni ssaqsi kemm persuni vvizzjati bil-logħob tal-azzard eċċessiv iħaddnu storja ta’ mard mentali?

Skont statistika maħruġa minn QuitGamble.com persentaġġ kemmxejn xokkanti ta’ 96% minn dawk il-persuni madwar id-dinja li jbatu mill-vizzju tal-logħob tal-azzard eċċessiv ibatu wkoll minn mard mentali ieħor. Teżisti konnessjoni bejn l-ADHD u l-logħob tal-azzard kompulsiv? X’inhi r-relazzjoni bejn il-vizzju tal-logħob tal-azzard u l-abbuż għas-sustanzi?

Skont 11-il studju mwettqin madwar diversi pajjiżi, 60% ta’ persuni li jbatu mill-vizzju tal-logħob tal-azzard ipejpu. Meta twaqqaf it-tipjip f’lokalitajiet fejn iseħħ il-logħob tal-azzard fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Istati Uniti u fl-Ewropa d-dħul mil-logħob tal-azzard jinżel bi 15-25%.

28% tal-persuni li jbatu bil-logħob tal-azzard eċċessiv iħaddnu wkoll problemi relatati mal-alkoħol u 60% diġà għexu problemi relatati mal-alkoħol f’ħajjithom.

17.2% jħaddnu wkoll di­żordni relatat mal-abbuż tas-sustanzi.

Studju partikolari juri li 29% ta’ persuni li jbatu mil-logħob tal-azzard kellhom l-ADHD fit-tfulija tagħhom. Dan ikkumparat ma’ 6-9% fost dawk il-persuni li mhu­miex ivvizzjati bil-logħob tal-azzard eċċessiv.

69% esperjenzaw ansjetà severa jew saħansitra sintomi ta’ dipressjoni f’din l-aħħar sena. Dan ikkumparat ma’ 10.8% fost dawk il-persuni li mhumiex ivvizzjati bil-logħob tal-azzard eċċessiv.

Statistika oħra li ħarġet minn dan l-istudju hija li 29% tal-persuni vvizzjati mil-logħob tal-azzard eċċessiv jaraw il-pornografija b’mod eċċessiv, 26.7% jilagħbu logħob virtwali b’mod eċċessiv, 39.6% jaħdmu b’mod eċċessiv u 32% jieklu b’mod eċċessiv.

Ta’ min ifakkar li din l-istatistika hija waħda glo­bali u mhux lokali.

Sadanittant, il-Fondazzjoni tħeġġeġ lil dawk kollha li l-logħob tal-azzard għalihom m’għadux passatemp ikkontrollat, iżda sar sors ta’ nkwiet u riperkussjoni­jiet serji biex jagħmlu kuraġġ u jċemplu fuq il-linja ta’ sapport nazzjonali 1777 jew inkella jiċċetjaw mal-aġenti fuq il-websajt tagħna www.rgf.org.mt.

Sors ta’ informazzjoni: N. Aymamí (2015), IDSH1, Rodriguez-Jimenez (2006) Thought Hub, UNLV, Alberta Gambling Research Institute, Lorains (2011).

Ekonomija

Sport