Tgħid li l-għomor f’idejn il-bambin u m’hemmx sigrieti
Twieldet fis-7 ta’ Marzu tal-1912 u llum qed tiċċelebra 110 snin.
Maria Formosa, l-ixjeħ persuna f’Malta, twieldet il-Mosta, trabbiet l-Imsida u fi żmien il-gwerra kienet toqgħod il-Ħamrun. Hi ilha armla mill-1962. Kellha tlett itfal, li tnejn minnhom mietu. Lil Maria jieħdu ħsiebha t-tifla Carmen u n-neputi Stephen.
L-istorja tagħha ġiet ippubblikata fuq il-paġna “The People of Malta” fejn ħadu l-kummenti tat-tifla Carmen u n-neputi Stephen.
Maria kellha ħajja sempliċi u f’ħajjitha hi għaddiet minn kollox.
Ommha għexet sa 100 sena u kienu ħamest aħwa u wħud minnhom mietu żgħar. Fil-fatt tiftakar lil wieħed minn ħuha li miet ta’ 37 sena meta laqtitu bomba f’wieħed mill-ewwel airaids li kien hawn fuq Malta.
“Kienet ħajjata, kien passatemp tagħha u biex tipprova taqla’ xi ħaġa għall-familja. Kienet taħdem anki bil-ganċ, kienet tagħmel il-kutri. F’dak iż-żmien kollox kienet tagħmel, anki ddur bil-mogħża li kellhom il-familja u tbigħ il-ħalib. Bħala passatempi oħra għandha t-tisjir u tgħidx kemm kienet tħobb tmur it-tombla!”
“Tgħożż il-familja. Filgħaxija, jekk ma tgħidx ir-rużarju ma torqodx. Tħobb tqalleb fir-ritratti u tirrakkontalna minn xiex għaddiet u tgħidilna l-ġrajjiet. Xi tħobb tiekol Maria? Xi ħaġa sempliċi; il-minestra u biċċa ħobż biż-żejt u żebbuġa,” temmew jgħidu t-tifla Carmen u n-neputi Stephen.