Sunday, November 3, 2024

L-iżjed motiv komuni fl-omiċidji fl-aħħar snin kien il-vjolenza domestika

Aqra wkoll

Meta wieħed jieħu l-każijiet ta’ omiċidju li seħħew f’dawn l-aħħar snin, l-aktar motiv komuni kien dawk ta’ każijiet domestiċi fejn fil-fatt kien hemm seba’ każijiet li rriżultaw li huma marbuta ma’ dan.

Hekk qal is-Supretendent Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidju meta kien qed jitkellem dalgħodu fuq ONE Breakfast.

Mistoqsi dwar kemm iħarsu lejn il-motiv tal-omiċidju bħala xi ħaġa importanti fl-investigazzjoniet tagħhom u jekk jarax xi ħaġa komuni bejn il-motivi li kien hemm, is-Supretendent Arnaud qal li f’għajn il-liġi l-motiv mhux importanti, minkejja li tista’ tużaħ biex issaħħaħ argumenti fil-qorti speċjalment meta jorbtu persuna ma’ omiċidju.

Saħaq li għalihom il-motiv huwa importanti biex jgħinhom jaslu għall-aggressur u jaslu biex jifhmu ta’ x’ġara u kif inqatlet il-persuna.

Huwa qal: “Fil-fatt dan huwa l-istudju li jsir meta naslu fuq ix-xena tad-delitt. Wieħed irid jibda biex jara min hi l-vittma u dak jaf joffrilek sfidi biex tasal għall-aggressur, fis-sens altru jkollhok vittma li l-konnessjoni tagħha fis-soċjetà huma tali u altru l-konessjoni ta’ dik il-persuna mas-soċjetà huma kkumplikati fejn hemm joħolqulek motivi diversi ta’ min seta’ kien il-persuna li qatilha u għal liem raġuni. Il-motiv jintuża’ kemm biex naslu għall-aggressur u kemm biex nifhmu d-dinamika tal-każ u għaliex inqatlet il-persuna.”

Qal li l-motiv iżda mhux dejjem tasal għalih għax forsi ma jkunx wieħed ovju, fost raġunijiet oħra.

Is-Supretendent Arnaud qal: “Jekk nieħdu l-każijiet li kelna f’dawn l-aħħar snin, l-aktar motiv komuni kien dawk ta’ każijiet domestiċi fejn kien hemm seba’ li rriżultaw li kienu marbutin ma’ omiċidju relatati ma’ każijiet domestiċi.”

Żied jgħid li mbagħad kien hemm hemm każ wieħed relatat ma’ serq, żewġ każiijiet oħra li huma suspettati li kienu marbuta ma’ attivitajiet kriminali u erba’ każijiet oħra marbuta ma’ ġlied jew intenzjoni instantanja ta’ dak il-ħin. Fl-istess waqt huwa fisser li hemm tliet każijiet oħra fejn il-motiv għadu mhux daqshekk ċar.

Sport