Monday, December 23, 2024

L-Iżrael tippjana li tkun l-ewwel pajjiż li tibda tagħti r-raba’ doża tal-vaċċin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Iżrael qed tippjana li ssir l-ewwel pajjiż li tibda tagħti r-raba’ doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 hekk kif dan il-pajjiż qed iħejji għal mewġa oħra ta’ infezzjonijiet relatata mal-varjant il-ġdid Omicron.

L-esperti tal-pandemija fl-Iżrael irrakkomandaw din id-doża addizzjonali għal dawk li għandhom aktar minn 60 sena u għall-ħaddiema tas-saħħa. 

Il-Prim Ministru Iżraelit Naftali Bennett laqa’ dan il-pjan u talab lill-uffiċjali biex jibdew bil-preparamenti tagħhom f’dan ir-rigward.

Dan kollu qed iseħħ fi sfond li fl-Iżrael kienet ikkonfermata l-ewwel mewt ta’ pazjent minħabba l-varjant Omicron matul il-jum tat-Tlieta. Il-Ministeru tas-Saħħa tal-pajjiż qal li kien hemm mill-inqas 340 każ magħruf tal-varjant fl-Iżrael. 

Id-deċiżjoni li tibda tingħata r-raba’ doża għadha pendenti l-approvazzjoni minn uffiċjali għolja tas-saħħa, madankollu l-uffiċċju tas-Sur Bennett qal lill-midja li kien qed jittama li din tingħata lin-nies mill-inqas erba’ xhur wara li jkunu ħadu t-tielet doża tagħhom.

“Din hija aħbar mill-isbaħ li tgħinna ngħaddu mill-mewġa Omicron li qiegħda taħkem id-dinja,” qal is-Sur Bennett filwaqt li ħeġġeġ lin-nies biex jitlaqqmu kemm jista’ jkun malajr. 

Ekonomija

Sport