Tuesday, December 24, 2024

L-iżviluppaturi mitluba jiskavaw wara t-8 ta’ filgħodu

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) qalet li tat struzzjonijiet lill-membri tagħha, biex kemm jista’ jkun inaqqsu l-inkonvenjenza inevatibbli kkawżata minn proġetti ta’ kostruzzjoni f’żoni residenzjali. F’dan ir-rigward, hija tat direttiva lill-membri tagħha biex ma jibdewx xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar qabel it-8.00 a.m.

L-MDA ħeġġet ukoll lill-iżviluppaturi u l-kuntratturi jevitaw kemm jista’ jkun xogħlijiet storbjużi f’ħinijiet sensittivi matul il-ġurnata. “L-MDA hija sodisfatta li ħafna mill-membri tagħha diġa’ ħadu dawn il-miżuri, fosthom uħud li ssospendew ix-xogħlijiet kompletament.” 

L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li hija totalment kontra kull abbuż u appellat lill-awtoritajiet biex ikomplu jiżguraw infurzar xieraq. Hija laqgħet l-interventi li ttieħdu fl-aħħar sigħat, bħal dak li seħħ it-Tnejn li għadda fil-Gzira mill-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Żiedet tinnota wkoll li l-iżviluppatur fil-Gżira mhuwiex membru tal-MDA.

L-Assoċjazzjoni spjegat ukoll li għamlet proposti tanġibbli biex fuq bażi temporanja, l-iżviluppaturi u l-kuntratturi jistgħu jaqblu li jnaqqsu aktar xogħlijiet ta’ skavar u twaqqigħ. 

Enfasizzat li: “Peress li dan jinvolvi tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, l-MDA qed tinsisti mal-awtoritajiet li jekk dawn il-miżuri temporanji favur il-pubbliku jiġu introdotti, l-impjegati involuti għandhom jiġu trattati l-istess bħal kategoriji oħra ta’ ħaddiema li qed jiġu megħjuna mill-fondi tal-istat. 

“L-MDA tinsisti li l-ebda diskriminazzjoni ma għandha tkun permessa fost il-ħaddiema affettwati mill-Covid-19. L-MDA tapprezza l-isforzi tagħhom biex ikomplu jaħdmu f’kundizzjonijiet bħal dawn.” 

Ekonomija

Sport