Monday, May 20, 2024

Il-PN jisħaq li għandu jsir aktar investiment rigward PPEs

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Gvern għandu jiżgura li l-persuni li jaħdmu mal-vulnerabbli u mal-anzjani ma jkunux nieqsa mir-riżorsi. F’konferenza tal-aħbarijiet qalu li bħala Oppożizzjoni jinsabu mħassba li carers mhux qed ikollhom ilbies protettiv meta jistgħu jkunu huma stess carriers tal-virus u sostnew li wieħed m’għandux jixxaħħaħ f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u għalhekk għandu jsir aktar investiment fil-PPEs.

“Il-Gvern jeħtieġ jiżgura li l-persuni li jaħdmu mal-vulnerabbli u mal-anzjani ma jkunux nieqsa mir-riżorsi”

David Agius

Agius qal,”Il-gvern jeħtieġ jiżgura li l-persuni li jaħdmu mal-vulnerabbli u mal-anzjani ma jkunux nieqsa mir-riżorsi u mit-tagħmir meħtieġa biex ħadd ma jkun f’periklu. Kulħadd għandu jkollu ilbies protettiv adegwat u proporzjonat.” Huwa żied iħeġġeġ lill-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa biex jiżgura ttestjar aktar estensiv fost il-care workers fid-djar tal-anzjani.

Agius qal li l-Oppożizzjoni hija obbligata li twettaq skrutinju tal-ħidma tal-gvern f’kull qasam u tipproponi alternattivi ta’ toroq ‘il quddiem biex hekk tkun Oppożizzjoni soda u mħejjija għax hija obbligata li tagħmel il-parti tagħha għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fost il-proposti li qed tagħmel l-Oppożizzjoni, hija tisħaq li l-Gvern għandu jraħħas il-kontijiet tad-dawl tal-ilma b’50%, jitwessgħu l-bands tal-ekokontribuzzjoni u biex jieqaf is-serq fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet.

Agius qal li  b’rabta mal-anzjani u l-pensjonanti li minħabba età u kundizzjoni qed jappellaw biex jiġi żgurat li l-anzjani jirċievu l-mediċini essenzjali u biex ma jbatux minn mediċini out of stock. “Waslulna diversi ilmenti li għal bosta ġranet kien hemm mediċini tal-gvern li kienu out of stock allura l-gvern irid jintervjeni biex jara din is-sitwazzjoni tissolva,” qal Agius. Huwa żied jgħid li dawn m’għandhomx iħallsu prezzijiet għoljien għall-mediċini u għal ċerti prodotti tal-iġjene.

Agius qal li jipproponi li l-gvern flimkien mal-oppozizzjoni jesploraw li l-pensjonanti jirċievu bonus addizzjonali mal-pensjoni tagħhom. “Nitolbu lill-gvern biex jagħti għajnuna lill-pensjonanti speċjalment lil dawk li kienu jaħdmu u kellhom jieqfu minħabba l-pandemija,” qal Agius.

Sport