Saturday, December 21, 2024

L-Iżvizzeri jivvutaw favur żwieġ bejn persuni tal-istess sess

Aqra wkoll

Il-poplu Żvizzeru ivvota b’maġġoranza kbira ta’ 64% f’referendum favur żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess. B’hekk, l-Iżvizzera issa hija fost l-aħħar pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent li lleġiżla favur dan id-dritt ċivili li kien meqjus bħala riżultat storiku mill-komunità LGBT tal-pajjiż.

L-istess bħalma ġara f’pajjiżi oħra u anke f’Malta, il-partiti tal-lemin flimkien mal-forzi konservattivi ingħaqdu mal-knisja biex jopponu dan id-dritt ċivili li qiesuħ bħala li se jimmina u jnawwar il-valur tal-familja tradizzjonali.

Minkejja li sa mill-2007 koppji tal-istess sess fl-Iżvizzera setgħu jirreġistraw għal ko-abitazzjoni, b’danakollu ċertu drittijiet kienu ristretti. Bil-vot favur ta’ ftit jiem ilu, koppji tal-istess sess se jkunu jistgħu jiżżewġu u anki jadottaw tfal. 

Fil-każ ta’ koppji leżbjani li jkunu miżżewġin dawn se jingħataw ukoll id-dritt li jkollhom tfal permezz ta’ donazzjoni tal-isperma.

B’dan il-vot fir-referendum, l-Iżvizzera issa hija t-30 pajjiż fid-dinja li adottaw iż-żwieġ bejn persuni LGBT. Fil-fatt, dan il-vot qed jitqies bħala wieħed storiku għaliex se jwitti t-triq għal iktar ugwaljanza fejn jidħlu d-drittijiet ta’ koppji tal-istess sess.

Fil-fatt, skont il-Ministru tal-Ġustizzja, Karin Keller-Sutter, l-ewwel żwieġ bejn persuni tal-istess sess se jsir f’Lulju tas-sena 2022.

Il-liġi ġdida li tagħti dritt għal żwieġ ta’ persuni tal-istess sess kellha l-appoġġ tal-gvern u tal-partiti l-kbar kollha ħlief tal-partit konservattiv. Din kienet ġiet approvata mill-Parlament f’Diċembru li għadda. Mandakollu din kienet ġiet sfidata mill-forzi opposti tant li kienu ġabru biżżejjed firem li sfurzaw referendum. 

Ekonomija

Sport