Sunday, December 22, 2024

L-MCESD jenfasizza l-importanza tal-ESG

Aqra wkoll

L-MCESD, impenjat bis-sħiħ għall-prinċipji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG), kellu t-tielet laqgħa tal-kunsill tiegħu fl-Università ta’ Malta biex jesplora opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-prattiċi tal-ESG. Dawn il-prattiċi huma ferm kruċjali għall-organizzazzjonijiet kollha li jridu jikkontrollaw ir-riskji, isaħħu l-ħidma tagħhom, u jibbenefikaw minn dinamika ekonomika u soċjali li qed tinbidel fuq kwistjonijiet bħal bidla fil-klima, id-drittijiet tal-bniedem, l-etika, u t-trasparenza. Matul din il-laqgħa, l-Imsieħba Soċjali kollha ġew mgħarrfa b’inizjattivi ta’ riċerka li l-Università tinsab impenjata bihom.

Il-laqgħa tal-MCESD, immexxija mid-Deputat Chairperson tal-MCESD is-Sur Mark Musù, rat il-parteċipazzjoni tar-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred Vella; il-Pro-Rettur, il-Prof. l-Inġ. Simon Fabri; il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Onor. Clifton Grima; is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul; u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti; flimkien ma’ akkademiċi minn fakultajiet varji tal-Università li kollha qasmu l-għarfien tagħhom mal-Imsieħba Soċjali.

Matul il-laqgħa, il-Prof., Inġ., Simon Fabri, ippreżenta ħarsa ġenerali tal-ħidma ta’ riċerka robusta li qed twettaq l-Università. Huwa saħaq li matul is-sena akkademika 2022-2023, twettqu ‘l fuq minn 200 proġett ġdid ta’ riċerka u kważi elf pubblikazzjoni.

Il-Professur Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali, spjega l-ħidma li qed issir mill-fakultà dwar riċerka fl-oqsma soċjali. Il-Prof Azzopardi enfasizza dwar l-importanza li dak li jkun ħareġ mir-riċerka jiġi mqassam lill-Gvern u lill-Imsieħba Soċjali għall-benefiċċju tal-pubbliku.

Dr Jonathan Spiteri, lettur fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġment, u l-Accountancy, spjega l-importanza għan-negozji biex jintegraw il-prinċipji tal-ESG, jippromwovu s-sostenibbiltà, u jkunu mħarrġa sew għall-futur biex jiġu mmaniġjati r-riski li qed jevolvu.

Il-Professur Luciano Mule Stagno, Direttur tal-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli, enfasizza l-irwol ċentrali tal-istitut fir-riċerka dwar il-konservazzjoni tal-enerġija u l-iżvilupp tat-teknoloġija.

Il-Professuri Simone Borg u Maria Attard mill-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli, enfasizzaw l-importanza li l-ambjent jibqa’ jiġi diskuss dejjem iktar biex ikun hawn iktar għarfien u jittieħdu azzjonijiet għall-ġid tas-soċjetà.

Wara l-preżentazzjonijiet, l-Imsieħba Soċjali kellhom l-opportunità li jiġu mgħarrfa u josservaw aktar ix-xogħol impekkabbli li qed twettaq l-Università fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Iż-żjarat fuq il-post kienu jinkludu ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u l-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI) kif ukoll il-laboratorji tad-Dipartiment tal-Metallurġija u l-Inġinerija tal-Materjali (DMME), fejn hawnhekk ġiet ferm apprezzata r-riċerka avvanzata u kollaborazzjoni interdixxiplinari li qed ssir.

Iż-żjarat inkludew preżentazzjonijiet dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-logħob diġitali, li pprovdiet għarfien intuwittiv u prattiku dwar oqsma bħall-Big Data, ir-Robotika u l-Fintech. Ġew enfasizzati wkoll il-kontribuzzjonijiet multidimensjonali li qed twettaq l-Università għall-avvanz tas-soċjetà, l-innovazzjoni, u l-ħtiġijiet attwali tal-industrija.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul enfasizza dwar l-irwol essenzjali tal-investiment tal-Gvern fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dan sabiex jixpruna t-tkabbir ekonomiku modern u biex pajjiżna jkompli jiżviluppa b’mod sostenibbli u ġust fl-aspett tal-preservazzjoni ambjentali, tal-ħarsien soċjali u ta’ governanza tajba. L-Onor. Andy saħaq fuq is-sinifikat li tissaħaħ aktar il-kollaborazzjoni bejn l-Università u l-MCESD. Andy Ellul żied jgħid li l-interess tal-imsieħba soċjali u l-Gvern hu li nkomplu nsaħħu l-industrija f’pajjzina filwaqt li noħolqu dinja tax-xogħol aktar reżiljenti.

L-Imsieħba Soċjali tal-MCESD esprimew l-apprezzament tal-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa tal-Kunsill. Dan l-impenn jippermetti lill-Imsieħba Soċjali jsaħħu l-għarfien tagħhom, kif ukoll li r-rakkomandazzjonijiet li jagħmlu jkunu ta’ benefiċċju għal min iħaddem, għall-ħaddiema, u għas-soċjetà inġenerali. Din il-kollaborazzjoni tfisser pass ieħor fit-trawwim ta’ kooperazzjoni transdixxiplinarja biex tmexxi t-tkabbir sostenibbli, il-benesseri soċjali u l-innovazzjoni.

Ekonomija

Sport