L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) qalet li hija sodisfatta bil-Budget 2023 u faħħret id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-ispejjeż tal-fjuwil sabiex ikomplu jgħinu lill-familji u lin-negozji.
L-Assoċjazzjoni nnotat ukoll b’sodisfazzjon li l-Gvern estenda l-inċentivi eżistenti li l-MDA kienet ipproponiet f’budgets preċedenti u laqgħet l-introduzzjoni ta’ għotja ta’ €10,000 lill-first time buyers. Dan se jkompli jgħin biex aktar ċittadini Maltin isiru sidien ta’ darhom.
Innutat ukoll li ma kinux introdotti ebda taxxi ġodda fl-aktar żminijiet delikati u fejn id-dinja kollha qiegħda taffaċċja sfidi bla preċedent. Dan ikompli jħeġġeġ lis-settur privat jinvesti f’pajjiżna.
L-MDA iżda qalet li l-Gvern ma kkunsidrax il-proposti tagħha biex jinċentiva aktar bini ekoloġiku u inċentivi biex nilħqu l-għanijiet tagħna għall-iżvilupp sostenibbli.