Wednesday, March 27, 2024

IL-GTA tgħid li l-budget huwa mmirat li jżomm l-istabbiltà fi żminijiet turbolenti

Aqra wkoll

Fost reazzjonijiet għall-Budget 2023 kien hemm dak tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA) fejn qalet li dan il-budget kien ippreparat u ppreżentat fi żminijiet partikolari fejn l-ekonomiji dinjin huma mhedda mill-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll f’perjodu fejn is-settur turistiku għadu qiegħed jirkupra mill-effetti negattivi tal-pandemija tal-Covid-19.

“Il-GTA temmen li fl-aħħar mill-aħħar dan il-budget għandu l-mira li jilħaq ekonomija stabbli fil-gżejjer Maltin proprju f’dawn iż-żminijiet turbolenti għall-ekonomija,” spjegat din l-Assoċjazzjoni. Din qalet li għaldaqstant tifhem li dan huwa budget li fi żmien qasir se jiżgura s-sostenibbiltà tan-negozji kif ukoll jindirizza l-bżonnijiet tal-persuni bi dħul baxx, tal-pensjonanti u ta’ dawk il-ħaddiema li qegħdin ibatu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Din l-Assoċjazzjoni qalet li l-miżuri meħuda f’dan il-budget se jtaffu l-isfidi ekonomiċi u fl-istess ħin se jipproteġu u jkomplu t-tkabbir ekonomiku. “F’dan ir-rigward, il-Budget 2023 ikompli jagħti sussidji fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali. Dawn il-miżuri mhux biss se jassistu lill-familji, iżda se jgħinu wkoll lin-negozji li kienu se jbatu minħabba ż-żieda fil-prezzijiet”.

Fost il-miżuri mmirati fis-settur turistiku t’Għawdex f’dan il-budget hemm dik proposta mill-GTA stess li tirrigwarda skema apposta li l-għan tagħha huwa li tattira għal perjodu itwal turisti lejn il-gżira. Dan b’mod partikolari bejn Novembru u Marzu. Miżuri oħra hemm il-konnettività tal-gżira inkluż il-mitjar fix-Xewkija u l-kuntratt ta’ servizz ta’ fast ferry bejn l-Imġarr u l-Belt.

Il-GTA irrikonoxxiet ukoll it-tnedija ta’ Aġenzija għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi u Riġenerazzjoni.

Ekonomija

Sport