Saturday, December 21, 2024

L-MDA tgħid li kellha twaqqaf ix-xogħlijiet minħabba l-istrajk tal-uffiċjali tal-LESA

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex isibu soluzzjoni għall-istrajk li għaddej mill-uffiċjali tal-LESA peress li qalet li dan qed ikollu kosegwenzi gravi fuq il-membri tagħha u l-proġetti tagħhom. 

Fl-istess ħin, l-MDA sostniet li qed tikkunsidra diversi għażliet legali biex tidderieġi lill-membri tagħha biex mill-ġimgħa d-dieħla jkomplu bil-proġetti tagħhom, jekk il-Gvern jonqos milli jsib soluzzjoni adegwata. 

L-Assoċjazzjoni qalet li qed tkun kostretta tieħu din l-azzjoni wara li l-awtoritajiet naqsu milli jsibu soluzzjoni fuq l-effetti li qed ikollha l-azzjoni industrijali tal-LESA fuq is-settur tal-iżvilupp tal-proprjetà u dan minkejja diversi laqgħat li saru matul il-ġimgħat li għaddew.

“Minħabba l-ordni ta’ azzjoni industrijali li ngħatat lill-uffiċjali tal-LESA, membri tal-MDA kellhom iwaqqfu l-proġetti tagħhom peress li l-awtoritajiet ma setgħux jipprovduhom b’uffiċjali tal-LESA jew ta’ Transport Malta meta kellhom bżonn jagħlqu toroq u jiddevjaw it-traffiku minħabba l-immuntar ta’ krejnijiet mobbli temporanji.

“Lill-membri tal-MDA qed jgħidulhom li l-uffiċjali tal-LESA mhumiex disponibbli filwaqt li Transport Malta qed tinsisti li m’għandhiex riżorsi meħtieġa biex tmexxi x-xogħlijiet meħtieġa. Dan kollu qed ikollu riperkussjoniiet serji fuq il-membri tal-MDA u l-industrija b’mod inġenerali,” qalet l-MDA. 

L-Assoċjazzjoni temmet tħeġġeġ lill-awtoritajiet u lil dawk kollha konċernati sabiex tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Ekonomija

Sport