Friday, November 15, 2024

L-MEA tipproponi li mill-2024 l-COLA ma taqbiżx is-€6 fil-ġimgħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-maġġoranza tal-kumpaniji ddikjaraw li se jkun hemm effett sostanzjali fuq in-negozju tagħhom b’riżultat tal-aġġustament tal-għoli tal-ħajja li qed jingħad li se jkun ta’ €10 fil-ġimgħa.

Dan irriżulta minn studju li għamlet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) dwar l-impatt tal-inflazzjoni fuq min iħaddem. B’kollox ġew intervistati mal-400 kumpanija minn setturi varji fosthom l-ospitalità u t-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, manifattura u s-servizzi professjonali. 

Id-dettalji ta’ dan l-istudju ngħataw f’konferenza stampa indirizzata mid-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia. Intqal li l-aktar li huma mħassba li ż-żieda fil-COLA se jkollha impatt qawwi fuq l-operat tagħhom huma l-kumpaniji tal-manifattura.

Sadanittant, l-MEA qiegħda tipproponi li tiġi stabbilita żieda massima u minima tal-COLA għal perjodu ta’ ħames snin. L-MEA qiegħda tissuġġerixxi li dan għandu jidħol fis-seħħ fl-2024, bil-minimu jkun dak ta’ €2.50 fil-ġimgħa filwaqt li l-massimu jkun ta’ mhux aktar minn €6 fil-ġimgħa. 

55% tal-kumpaniji qalu li sa issa żammew il-prezzijiet tagħhom stabbli

Is-Sur Farrugia spjega li meta l-kumpaniji ġew mistoqsija dwar kif se jimmaniġġjaw iż-żieda fl-ispejjeż tal-operat, 28% qalu li l-ispejjeż se jassorbuhom huma, 50% qalu li parzjalment se jgħaddu l-ispejjeż lill-konsumatur u l-klijenti filwaqt li 22% qalu li se jitfgħu l-ispejjeż kollha fuq il-konsumaturi u l-klijenti. 

Dwar kif irreaġixxew fuq il-pressjonijiet inflazzjonarji, 55% tal-kumpaniji qalu li sa issa żammew il-prezzijiet tagħhom stabbli mentri 45% sostnew li kellhom jgħollu l-prezzijiet.  Fl-istess waqt, 64% qed jantiċipaw tnaqqis fid-domanda għall-prodotti jew servizzi tagħhom. 

72% ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ qalu li jistennew tnaqqis fil-qligħ fit-12-il xahar li ġejjin u kienu biss 12% li qalu li l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tagħhom se tibqa’ relattivament stabbli. 

Rigward is-sitwazzjoni fejn jidħlu l-impjiegi, 28% tal-kumpaniji qed jantiċipaw li se jżidu n-nies fit-12-il xahar li ġejjin waqt li 64% qalu li se jżommu l-istess livell ta’ impjegati. 

Ekonomija

Sport