Saturday, April 20, 2024

L-MEPs Soċjalisti u Demokratiċi se jiltaqgħu Malta l-ġimgħa d-dieħla

Aqra wkoll

Il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew se jiltaqa’ Malta għal konferenza msejħa “United for a More Social Europe” li se ssir bejn is-27 u t-30 ta’ Settembru. Din il-konferenza għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħidma parlamentari fil-livell Ewropew wara ċ-ċirkostanzi diffiċli li nħolqu minħabba l-pandemija tal-Covid-19. 

F’messaġġ li għamlet il-mexxejja ta’ dan il-grupp, Iratxe García Pérez, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-grupp se jkun qiegħed jerġa’ jiltaqa’ barra Brussell wara xhur twal minħabba l-pandemija.

Qalet li bħala grupp qegħdin iħarsu ‘l quddiem għal din il-laqgħa f’Malta fejn se jkunu qegħdin jiltaqgħu wkoll mal-Prim Ministru Robert Abela. Innotat kif il-persistenza tal-PM Malti sabiex jimplimenta riformi progressivi fil-pajjiż intlaqgħu b’mod pożittiv mill-maġġoranza tal-Maltin.

“Dan hu għalfejn hemm popolarità kbira u appoġġ għall-Partit Laburista f’Malta inkluż il-kollegi tagħna Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar, Cyrus Engerer u Alfred Sant,” qalet Pérez. 

“Kunfideti li l-iskambju ta’ ideat mal-kollegi Maltin u ċ-ċittadini se jkunu ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. Nemmen li ż-żjara tagħna f’Malta se tkun utli ħafna biex tissaħħaħ il-familja politika tagħna u l-viżjoni tagħna ta’ Ewropa aktar ħadra u diġitali, li tiżgura ġustizzja soċjali mingħajr ma tħalli lil ħadd lura,” temmet tgħid Pérez.

Intant, il-Kordinatur tad-Delegazzjoni tats-Soċjalisti u d-Demokratiċi għal Malta, Alex Agius Saliba qal li kienu xhur ta’ ħidma qawwija, però huwa ta’ sodisfazzjon li dan il-grupp politiku għażel lil pajjiżna sabiex ikompli jiġġedded ukoll. 

“Huwa pass simboliku ħafna li għall-ewwel darba mill-2013, l-S&D qed jagħżlu lil pajjiżna sabiex jiltaqgħu barra minn Brussell,” qal Agius Saliba.

Sport