L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) tappoġġja l-miżuri mħabbra mill-Gvern b’rabta ma’ testijiet għad-droga u l-alkoħol għal għarrieda fit-toroq flimkien ma’ sentenzi effettivi ta’ ħabs f’każ ta’ fatalitajiet.
Fi stqarrija, l-MHRA qalet li bħala Assoċjazzjoni ilha tisħaq fuq approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-abbuż tad-droga u l-alkoħol, fl-istess waqt li tirrikonoxxi li s-sigurtà u ż-żamma tal-ordni huma fatturi ewlenin għas-suċċess fl-aspirazzjoni ta’ Malta li tippożizzjoni lilha nfisha bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità.
L-Assoċjazzjoni qalet li kemm it-turisti kif ukoll ir-residenti għandhom iħossu li f’Malta hawn ambjent sigur u ħieles minn kull perikli li jimminaw il-benesseri u l-fiduċja pubblika.
L-MHRA żiedet tgħid li dawn l-aħħar miżuri li ppropona l-Gvern huma pass sinifikanti ’l quddiem biex tiġi indirizzata l-“imġiba negliġenti fit-toroq” u jkunu protetti l-ħajjiet.
Hija tenniet li l-immaniġġjar sostenibbli tat-turiżmu huwa marbut b’mod dirett ma’ infurzar responsabbli u deterrenti b’saħħithom kontra mġiba li twassal għal riskji fis-soċjetà. “Dawn ir-riformi se jgħinu biex jiġi żgurat livell ta’ għajxien ogħla għar-residenti u l-komunità lokali filwaqt li jipprovdu esperjenzi aqwa u siguri għat-turisti,” temmet tgħid l-MHRA.