Sunday, November 10, 2024

L-MHRA tilqa’ dak imħabbar mill-PM dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-Covid

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) tilqa’ d-dikjarazzjoni li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela li qal li wasal iż-żmien li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha tal-COVID u jkunu n-nies li jagħżlu kif jieħdu ħsieb il-benessri tagħhom.

Fi stqarrija, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal: “Dan huwa ferm konformi ma’ dak li diġà għamlu wħud mill-pajjiżi kompetituri tagħna u dak li diġà rrakkomandajna li għandha tagħmel Malta. Tabilħaqq, fl-aħħar sentejn l-industrija tal-ospitalità għamlet dak li ntalbet tagħmel mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u grazzi għall-isforzi kollettivi, Malta rnexxielha tilqa’ għall-isfidi tal-pandemija.”

Ġie innutat li t-tilqim u l-boosters evitaw it-tixrid tal-infezzjoni u huwa evidenti li l-programm tal-vaċċin tagħna ttrasforma s-sitwazzjoni f’pajjiżna.

Is-Sur Zahra jsostni li “il-membri tal-MHRA issa qed jistennew bil-ħerqa li jaraw it-turisti jirritornaw u li Malta tibda terġa’ lura għan-normalità. 

“Irridu naraw iż-żoni turistiċi madwar Malta u Għawdex jerġgħu jiffjorixxu,” qal filwaqt li żied jgħid li biex naslu s’hemm jeħtieġ li nkunu qed nikkompetu fuq l-istess livell ma’ destinazzjonijiet turistiċi oħra u r-restrizzjonijiet li fadal jitneħħew.

Sport