Friday, May 3, 2024

L-MIA jilqa’ titjiriet ġodda tar-Ryanair

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ tliet titjiriet ġodda operati mil-linja Ryanair mill-Italja u l-Bulgarija, u b’hekk l-għażla għal dawk li għadhom itellgħu u jniżżlu fejn jistgħu jmorru dan is-sajf kompliet tiżdied.

Ryanair ser tkun qed topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Brindisi, Genova u Sofija sax-xahar ta’ Ottubru. Filwaqt li Brindisi hija rotta kompletament ġdida bejn Malta u n-Nofsinhar tal-Italja, ir-rotta ta’ Genova qiegħda terġa’ tiġi operata wara li twaqqfet għal xi żmien u titjiriet lejn Sofija huma offruti wkoll mil-linja tal-ajru Wizz Air.

L-ewwel titjira minn Brindisi niżlet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nhar it-Tlieta filgħodu, u flimkien mal-erba’ titjiriet eżistenti lejn Bari ser tkompli ttejjeb il-konnessjonijiet diretti bejn Malta u r-reġjun tal-Puglia, li huwa magħruf għall-irħula antiki tiegħu, l-arkitettura fuq stil Barokk, bajjiet pittoreski u baħar ta’ siġar taż-żebbuġ li jagħmlu lir-reġjun l-aqwa produttur taż-żejt taż-żebbuġa fl-Italja.

Il-belt ta’ Brindisi tinsab fuq il-kosta tal-Baħar Adrijatiku u l-istorja tagħha tmur lura għal żminijiet imbiegħda. Brindisi tinsab qrib Alberobello fejn wieħed jista’ jara l-għarejjex tat-trulli li huma protetti bħala wirt dinji mill-UNESCO; ir-raħal ta’ Ostuni li huwa mperreċ fuq għolja; ir-raħal medjevali ta’ Monopoli, u Lecce, li minħabba l-arkitettura rikka tiegħu tlaqqam ‘Firenze tan-Nofsinhar’. B’hekk il-belt ta’ Brindisi tista’ faċilment tintuża bħala l-punt tat-tluq sabiex wieħed jesplora l-Puglia.

Il-belt ta’ Genova, min-naħa l-oħra, hija l-kapitali tar-reġjun tal-Ligurja li jinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, u tista’ sservi bħala l-punt tat-tluq sabiex wieħed igawdi r-Riviera Taljana. Il-ħames villaġġi li flimkien jagħmlu ċ-Cinque Terre, bid-djar ikkuluriti tagħhom mal-kosta blatija li huma tassew ikoniċi, żgur jimmeritaw waqfa ta’ jum jew aktar f’dan l-itinerarju. Post ieħor li minkejja ċ-ċokon tiegħu huwa tassew pittoresk u ħaqqu żjara ta’ mqar ftit sigħat huwa Portofino.

Jekk tixtieq tesperjenza l-hekk imsejħa dolce vita dan is-sajf, tista’ tibda tippjana l-btala tiegħek billi tara liema huma d-dokumenti tas-saħħa meħtieġa sabiex tkun tista’ tidħol fl-Italja hawnhekk: maltairport.com/covid19/departure.

Sport