Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Thomas Bajada, nieda inizjattiva ta’ aċċess għall-ilma tax-xorb b’xejn għall-pubbliku fiż-Żurrieq.
Dan bħala parti mill-ħidma kontinwa ta’ Bajada f’dan il-qasam, wara li mexxa l-Istrateġija dwar ir-Reżiljenza tal-Ilma fil-Parlament Ewropew. F’din l-Istrateġija, Bajada kkonsolida li l-aċċess għall-ilma m’għandux jitqies bħala privileġġ imma dritt tal-poplu. Huwa jemmen li dan id-dritt ma jistax jibqa’ biss miktub fi strateġija jew f’dokument Ewropew, imma jrid jasal għand in-nies u jinħass fil-komunitajiet.
Thomas Bajada stqarr kif fiż-Żurrieq, qed naraw eżempju żgħir iżda konkret ta’ kif id-dritt għall-aċċess għall-ilma jista’ jsir realtà fil-ħajja ta’ kuljum.
Din l-inizjattiva, b’finanzjament mis-Soċjalisti u Demokratiċi fl-Ewropa, tista’ tintuża minn kulħadd, bħal minn min ikun sejjer mixja, minn tfal u familji, minn anzjani, u minn kull min ikun għaddej minn biswit.
Dan grazzi ukoll għall-investiment kontinwu li qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex ikollna ilma li huwa tajjeb għax-xorb.
Bajada żied jgħid li filwaqt li d-dritt għall-ilma huwa dritt ta’ kulħadd, fl-istess ħin, qed inħeġġu aktar nies jużaw fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw u b’hekk jitnaqqas ukoll il-plastik li nużaw kuljum.
Huwa rringrazzja wkoll lis-Sindku Rita Grima u lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq talli aċċettaw li jkunu parti minn din l-inizjattiva hekk kif qal li flimkien qed inressqu dan id-dritt aktar qrib in-nies.
Bajada estenda wkoll stedina lill-kunsilli l-oħra madwar Malta u Għawdex biex jagħmlu kuntatt miegħu, sabiex anke fil-lokalitajiet tagħhom ikunu jistgħu jinħolqu aktar spazji fejn kulħadd ikollu d-dritt għal aċċess b’xejn għall-ilma.
Huwa temm jappella biex inwasslu dan id-dritt f’aktar lokalitajiet, hekk kif dak hu proprju l-ispirtu ta’ Kull Qatra Tgħodd, għax l-ilma huwa tagħna lkoll u l-aċċess għalih huwa dritt tagħna lkoll, hekk kif kull qatra, tassew, tgħodd.
