Saturday, February 21, 2026

L-MPE Thomas Bajada Maħtur Rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjanijiet Nazzjonali tal-Fondi Ewropej

Aqra wkoll

Thomas Bajada, Membru Malti tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista, inħatar Rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar id-dimensjoni ekonomika tal-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali l-ġodda taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li ġej 2028–2034 – qafas leġiżlattiv ewlieni li se jsawwar kif il-fondi Ewropej se jaslu għand Malta matul id-deċenju li ġej.

F’dan ir-rwol, Bajada se jmexxi l-pożizzjoni tal-Parlament dwar kif il-finanzjament tal-UE se jkun strutturat u mmexxi fl-Istati Membri. Il-ħatra tiegħu tpoġġi lil Malta direttament fil-qalba tan-negozjati li se jiddeterminaw il-prijoritajiet t’investiment madwar l-Ewropa fiċ-ċiklu ta’ seba’ snin tal-baġit Ewropew.

Fil-kummenti tiegħu dwar il-proposti tal-Kummissjoni, Bajada wissa li l-istruttura emerġenti tirriskja li l-finanzjament Ewropew imur ‘il bogħod mill-investiment soċjali, il-ħarsien ambjentali u l-benesseri tal-familji tagħna, hekk kif il-qafas jaġevola aktar id-difiża u l-kompetittività industrijali. Huwa nnota li l-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali li ġew proposti, jikkonsolidaw f’pakkett wieħed oqsma ta’ politika li qabel kienu ċentrali għall-mudell ta’ koeżjoni tal-Ewropa, filwaqt li l-bqija tal-baġit qed jiġi direzzjonat lejn prijoritajiet ġeopolitiċi u industrijali.

Bħala Rapporteur u membru tat-tim ta’ negozjati tal-S&D, Bajada enfasizza li r-realtajiet permanenti tal-gżejjer iridu jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fil-qafas il-ġdid. Huwa enfasizza li l-istrutturi ta’ finanzjament iridu jirriflettu l-isfidi strutturali li jaffaċċjaw l-Istati Membri u reġjuni ġeografikament iżolati, sabiex b’hekk jissalvagwardjaw il-benesseri u l-aspirazzjonijiet tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, Bajada kellu konsultazzjonijiet f’Malta u f’Għawdex ma’ imsieħba soċjali u ekonomiċi ewlenin, inkluż il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, il-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex, l-MCESD u l-Awtorità tal-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq ħidma proattiva u koperazzjoni mill-qrib flimkien sabiex jiġi żgurat li l-baġit futur tal-UE jappoġġja r-reżiljenza ekonomika, is-sostenibbiltà tan-negozju u l-kwalità tal-ħajja f’Malta, fil-kuntest ta’ dawn ir-realtajiet ġodda.

Bajada afferma l-impenn tiegħu li jiżgura qafas ta’ finanzjament ġust u orjentat lejn il-futur. Huwa stqarr li huwa onorat bil-fiduċja li tawh il-kollegi parlamentari tiegħu u se jaħdem biex iwassal leġiżlazzjoni li ssaħħaħ l-ekonomija tal-Ewropa filwaqt li żżomm il-benesseri tan-nies u r-realtajiet tal-gżejjer fil-qalba ta’ dan il-qafas, filwaqt li jiżgura li Malta jkollha vuċi b’saħħitha u kredibbli fit-tiswir tal-kapitlu finanzjarju li jmiss tal-Unjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport