L-għaqda umanitarja internazzjonali — Médecins Sans Frontières — appellat sabiex l-istaff mediku, l-isptarijiet, u l-pazjenti Ukreni ma jibqgħux fil-mira tal-forzi Russi.
Dan seħħ wara li l-kap inkarigat mill-missjoni tal-MSF fl-Ukrajna, Michel-Olivier Lacharité, f’diskussjoni li kellu mal-BBC iddikjara li f’dawn l-aħħar jumejn tliet sptarijiet kienu milquta f’Mykolaiv — żona fin-Nofsinhar tal-Ukrajna.
Lacharité kompla jgħid li dawn l-isptarijiet jinsabu f’żoni residenzjali u jemmen li ġew milquta mill-bombi. Huwa jirrakkonta kif “F’dak il-mument tal-isplużjoni kien hemm rilaxx u riħa ta’ gass, allura t-tim tagħna pprova jitlaq minn hemm. Waqt li bdew jaħarbu, huma ltaqgħu ma’ katavri mitluqin fit-toroq u nies midruba”.