Monday, May 13, 2024

“Kontinwità” – Wirja ta’ Pittura u Fotografija

Aqra wkoll

Mill-artist Pawlu Camilleri Cauchi u l-fotografa Lorella Castillo

Għal dawk li għandhom għal qalbhom il-pittura u l-fotografija, żgur m’għandhomx jitilfu din il-wirja unika bl-isem ta’ Kontinwità li ser tkun qed tittella’ fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Banca Giuratale, ir-Rabat, Għawdex.

Il-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi żgur m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni f’dik li hija arti f’pajjiżna.  Bla tlaqliq nistgħu ngħidu li Pawlu huwa wieħed mill-aqwa artisti lokali, artist li żejjen tant soqfa ta’ knejjes lokali, kif ukoll diversi binjiet prominenti f’pajjiżna, kif ukoll lil hinn minn xtutna. Dan minn barra n-numru kbir ta’ xogħolijiet li jinsabu f’kollezzjoni privata. F’din il-wirja, Pawlu ser ikun qed jesebixxi diversi pitturi, li jvarjaw minn arti sagra għal dik profana, kemm fuq stil tradizzjonali kif ukoll kontemporanju.  

Għalkemm dawn l-aħħar snin saru diversi wirjiet personali ta’ dan l-artist f’dan iż-żmien partikolari tas-sena, din id-darba se tkun wirja b’differenza. Dan għaliex flimkien miegħu ser naraw għall-ewwel darba d-debutt tan-neputija tiegħu, il-fotografa Lorella Castillo, li ser tkun qed tippreżenta selezzjoni żgħira mill-aqwa xogħlijiet tagħha fil-qasam tal-fotografija.  Jgħidu d-demm jiġbed…u min ser iżur din il-wirja żgur li ser jikkonferma dan.  Lorella, minkejja l-età tenera tagħha, diġà hija fotografa stabbilita f’pajjiżna u x-xogħlijiet tagħha jixhdu li l-arti qed tiġri f’demmha. Il-fotografija tagħha hija ta’ natura partikolari, kreattiva u b’komposizzjoni eċċellenti, xogħlijiet li diġà huma mfittxija minn bosta.

Fi kliem l-artist Camilleri Cauchi stess, ”Insibu diversi forom ta’ arti, magħmula u maħduma minn metodi differenti. Waħda minn dawn hija l-fotografija. Il-fotografija hija espressjoni, li tistrieħ fuq elementi viżwali minflok kliem, u minbarra li tissiġilla l-mument, l-atmosfera u l-karattru, tispunta wkoll fl-arti tal-pittura u l-iskultura. Il-pittura minn dejjem kienet il-mezz li biha l-artisti wasslulna s-sentimenti kulturali matul iż-żminijiet, u fejn ħallewlna stampi ta’ personalitajiet; ilwien imżewqa f’ambjenti u xenografiji mimlija immaġinazzjoni. Fuq l-istess linja, timxi l-fotografija. Għalkemm il-pittura u l-fotografija huma meqjusin bħala forom differenti ta’ arti, fl-istess waqt, huma kumplimentari, għax minn kamra tidħol għal oħra … u tibda tinduna, inti u timraħ, bis-sbuħija tal-estetika. Fiż-żminijiet tal-lum, l-artist jew il-fotografu permezz tal-mezzi teknoloġiċi u avvanzati kapaċi jesprimi dak li jħoss il-pittur bil-pniezel, il-kuluri u l-bqija” 

Dan kollu jwassal għal din il-wirja  ‘Kontinwità’, fejn l-arti, li minn dejjem ixxettlet fl-artist Pawlu Camilleri Cauchi, u li wiret u trawwem fid-demm mingħand missieru l-iskultur u statwarju l-Kav. Wistin Camilleri, għadha tbaqbaq u tħeġġeġ.  U b’din il-wirja dan kollu qiegħed jisseddaq, bit-tkomplija fl-arti tal-fotografija minn għajnejn  Lorella.

Il-wirja ser tiftaħ il-bibien tagħha f’Jum id-Duluri, nhar il-Ġimgħa 8 t’April fis-7.30pm u tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 24 t’April.  Matul il-ġimgħa, il-wirja tkun miftuħa bejn it-8am u s-2.30pm u s-Sibtjiet bejn id-9 am u nofsinhar.  Ħadd il-Palm, Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgha l-Kbira, il-wirja tkun miftuħa bejn it-8am u nofsinhar u bejn is-6pm u l-10pm.   F’Ħadd il-Għid u l-Ħadd 24 t’April, il-wirja tkun miftuħa bejn id-9 a.m u nofsinhar.

Sport