Matul l-aħħar jumejn, it-tim tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) wettaq operazzjoni intensiva ta’ spezzjonijiet immirati lejn proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni turistika għall-kiri fil-lokalità tas-Swieqi. L-operazzjoni tifforma parti mill-ħidma kontinwa tal-MTA biex tiżgura konformità sħiħa mal-qafas regolatorju li jirregola dan is-settur u biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-prodott turistiku Malti.
B’kollox, uffiċjali tal-MTA wettqu 252 spezzjoni. Mill-ispezzjonijiet li saru rriżulta li 67 proprjetà instabu li kisru rekwiżit wieħed jew aktar relatat mal-liċenzjar jew operat. Barra minn hekk, 6 proprjetajiet instabu joperaw mingħajr il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni meħtieġa. Bħala riżultat tal-irregolaritajiet identifikati, s’issa nħarġu 14-il Avviż ta’ Infurzar (Enforcement Notices), filwaqt li 6 proprjetajiet ser ikunu blacklisted skont id-dispożizzjonijiet tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 409.24.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li dawn ir-riżultati juru biċ-ċar li l-Gvern huwa determinat li jkompli jsaħħaħ il-governanza fis-settur turistiku u jassigura li l-operaturi kollha jimxu mal-istess regoli.
“Il-kwalità u r-reputazzjoni tat-turiżmu Malti jiddependu fuq is-serjetà li biha ninfurzaw ir-regolamenti. Għandna responsabbiltà lejn l-operaturi li jinvestu u jħaddmu n-negozji tagħhom b’mod korrett, kif ukoll lejn ir-residenti u l-viżitaturi tagħna. Min jagħżel li jopera barra mil-liġi għandu jkun jaf li se jiffaċċja azzjoni immedjata u deċiżiva”, tenna Dr Abela.
Il-Ministru Abela żied li dawn l-operazzjonijiet ta’ infurzar huma parti minn strateġija usa’ li għandha l-għan li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-akkomodazzjoni turistika u ssaħħaħ il-kompetittività ta’ Malta bħala destinazzjoni li tpoġġi l-kwalità, il-konformità u s-sostenibbiltà fiċ-ċentru tal-iżvilupp tagħha.
L-ispezzjonijiet ta’ segwitu se jkomplu matul il-ġimgħat li ġejjin. L-MTA se tkompli timmonitorja mill-qrib il-konformità fis-settur u mhux se toqgħod lura milli tieħu aktar miżuri ta’ infurzar kull fejn jiġu identifikati ksur tar-regolamenti. Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-MTA jibqgħu impenjati li jżommu qafas regolatorju b’saħħtu li jappoġġja prodott turistiku sostenibbli u ta’ kwalità, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ġusti u ekwi għall-operaturi kollha fis-settur.
