L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, xejjen għalkollox l-allegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-alleati tiegħu. Dan meta ħareġ li mhux minnu, li l-Malta Film Commission, immexxija mill-Kummissarju Johann Grech, allegatament użat fondi allokati ghall-produzzjonijiet Maltin għal skopijiet oħra, fosthom il-Malta Film Week.
Fil-preżentazzjoni tal-NAO, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC, li saret it-Tlieta waranofsinhar ħareġ illi l-marketing li għamel il-Malta Film Commission jimxi mal-prassi tal-industrija u ħalla l-frott f’investiment barrani li ġie f’Malta.
L-NAO xejjen ukoll allegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li allega li l-cash rebate ma jsegwix ir-regoli tal-istate aid meta ntqal li l-cash rebate huwa f’konformità sħiħa ma’ dan il-proċess.
Fil-preżentazzjoni ħareġ ukoll li l-cash rebate ġab lejn pajjiżna numru kbir ta’ produzzjonijiet barranin li ħallew impatt ekonomiku pożittiv. Kif intqal fl-istess rapport tal-NAO, waqt il-laqgħa tal-PAC, ir-rappreżentanti tal-NAO elenkaw l-isfida li l-Malta Film Commission m’għandhiex biżżejjed rizorsi umani anke jekk ġie nnutat li l-Kummissarju Grech innfisu għamel ħiltu biex jinstabu dawn ir-riżorsi umani u dan permezz ta’ sejħiet pubbliċi.
Minn Jannar tal-2018, il-Malta Film Commission, permezz tal-Kummissarju Johann Grech, investiet bil-qawwi fl-industrija tal-films u poġġiet lil Malta fuq il-mappa internazzjonali bi blockbusters jiġu attirati lejn Malta, inkluż is-sequel ta’ ‘Gladiator’, li fejn stilel ta’ Hollywood, bħal Denzel Washington, kellu biss kliem ta’ tifħir għall-produzzjoni li ttellgħet f’pajjiżna, b’ħaddiema Maltin.
Ir-rapport tal-NAO jikkonferma l-impatt eknomiku li produzzjonijiet barranin li jaħdmu f’Malta jġibu magħhom, fejn għal kull ewro investita permezz tal-cash rebate, il-pajjiż jieħu tliet ewro lura fl-ekonomija Maltija. Dan ifisser tkabbir eknomiku b’saħħtu li joħloq impjiegi ta’ kwalità.