Wednesday, April 24, 2024

L-obbjettiv hu li niksbu l-punti iżda għandna grupp diffiċli fir-Regions Cup  

Alfred Attard - coach nazzjonali Malti

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football (MFA) se tkun qed iddaħħal team tal-futbol sabiex jieħu sehem fil-UEFA Regions Cup li din is-sena se jsir fil-belt Kroata ta’ Zadar bejn it-28 ta’ Settembru u l-4 t’Ottubru.

Din il-kompetizzjoni tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ 35 assoċjazzjoni nazzjonali li se jkunu qed jikkompetu fi tmien mini-tournaments. Eventwalment ir-rebbieħ ta’ kull grupp jikkwalifika għat-tournament finali li se jsir f’Ġunju tas-sena d-dieħla. 

Din il-kompetizzjoni se tkun qed tirritorna wara nuqqas ta’ snin minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19. L-aħħar edizzjoni saret fl-istaġun 2018/2019 bil-Pollakki ta’ Dolny Slask li rebħu l-finali kontra l-Ġermaniżi ta’ Bavaria. Dawn iż-żewġ timijiet se jerġgħu jkunu fost il-parteċipanti b’Dolny li mistennija jkunu favoriti li jiddefendu t-titlu li rebħu tliet snin ilu.
Sadanittant, Malta telgħet biex tilgħab fi grupp 8 li huma magħmul minn Split tal-Kroazja, Belgrade tas-Serbja u RAT tal-Ukrajna.

It-team se jkun immexxi minn Alfred Attard, coach ta’ esperjenza li riċentement ingħaqad ma’ Sliema Wanderers bħala direttur tekniku u li għalissa ħalla din il-kariga temporanjament sabiex jikkonċentra totalment fuq it-tim nazzjonali li se jikkompeti fir-Regions Cup. Hu għandu esperjenza vasta wkoll ma’ diversi timijiet lokali fejn mexxa lil Balzan, Żabbar St Patrick, Marsaxlokk. Żebbuġ Rangers u Mqabba FC.

Talk.mt tkellem mal-istess Alfred Attard li tana aktar informazzjoni fuq l-aħħar preparamenti qabel din il-kompetizzjoni.

“Bħalissa t-tħejjijiet għaddejjin ġmielhom u f’dawn l-aħħar jiem għajjat skwadra ta’ 33 plejer li ġejjin mill-BOV Challenge League, BOV Amateur League u anke mill-Gozo Football League u li għandu status ta’ amateurs. L-għan hu li wara li nara lill-players fis-sessjonijiet ta’ taħriġ innaqqas l-iskwadra għal 22 u eventwalment il-ġimgħa ta’ wara dawn jonqsu għal 18-il player li tkun dik finali sabiex immorru l-Kroazja.”

Hu fisser dan il-grupp bħala wieħed diffiċli fejn jinkludi plejers Kroati, Serbi u Ukreni li kollha huma fiżikament b’saħħithom.

Meta mistoqsi dwar l-objettivi, Attard qal li tkun xi ħaġa sabiħa li Malta takkwista xi punti minn dan il-grupp għalkemm tenna li l-grupp mhux se jkun faċli. Fil-passat, Malta qatt ma kisbet punti kull meta ħadet sehem u għalhekk tkun xi ħaġa storika li kieku noħorġu mqar b’punt minn grupp 8.

Alfred Attard faħħar u rringrazzja lill-istaff tekniku tiegħu li se jkun qed jassistih waqt din il-mawra f’Zadar fejn fosthom hemm l-assistent kowċ Clint Tabone li bħalissa hu l-Head Coach tal-akkademja ta’ Lija/Iklin filwaqt li Kevin Mifsud se jkun qed jaqdi r-rwol ta’ Team Manager. Magħhom ingħaqad ukoll il-kowċ tal-gowlkipers Etienne Mercieca u l-fiżjoterapista Martina Borg bil-kit manager li se jkun Noel Cardona. Huma se jkollhom ukoll tabib waqt din il-mawra fil-Kroazja.

Attard tkellem dwar il-fatt li għalissa kellu jħalli temporanjament il-kariga tiegħu ma’ Sliema Wanderers sabiex jikkonċentra fuq din l-avventura.

“Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-kumitat kollu ta’ Sliema Wanderers FC fosthom lill-president Keith Perry talli tawni l-barka tagħhom u stajt nikkonċentra fuq din il-kariga li fdawli l-MFA. Appunti ma nistax ninsa wkoll lill-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol li fdawli din il-kariga. Tassew onorat li se nkun qed imexxi din l-iskwadra nazzjonali.”

Attard f’dawn l-aħħar jiem qed isegwi sew il-kampjonati tal-MFA sabiex minnhom joħroġ l-iktar skwadra b’saħħitha sabiex imorru f’Zadar.

L-UEFA Regions Cup tgħaqqad flimkien l-aqwa players amateur Ewropej u ilu jsir sa mis-sena 1967 meta dakinhar selezzjoni Awstrijaka għelbet lill-Iskozja 2-1.

It-turnament baqa’ jsir b’mod regolari fejn kien hemm timijiet mill-Italja, l-Irlanda, Spanja, l-ex Jugoslavja u l-Polonja li kollha naqqxu isimhom f’din it-tazza.

Matul dawn l-aħħar snin it-tournament reġa’ ngħata l-importanza tiegħu tant li n-numru ta’ timijiet komplew jiżdiedu b’Malta li wkoll qed tipparteċipa b’mod regolari.

Sport