Monday, December 8, 2025

L-obeżità… il-progress li lħaqna

Aqra wkoll

Il-kwistjoni tal-obeżità kemm fost l-adulti kif ukoll fost it-tfal reġgħet qanqlet ċertu diskussjoni, b’mod partikolari dwar x’qed isir f’pajjiżna biex nikkumbattu din il-problema. Il-mistoqsija qiegħda tqum waħedha. Għalfejn ilum il-ġurnata, li ninsabu fl-2025 u qegħdin fuq l-għatba ta’ sena ġdida, għad għandna rata għolja ta’ nies li għandhom piż żejjed? 

Din hija mistoqsija li ħafna drabi r-risposta għaliha nassoċjawha ma’ x’ikel qegħdin nieklu ta’ kuljum jew inkella jekk bħala poplu aħniex neqsin milli nagħmlu xi tip t’eżerċizzju fiżiku. Qabel xejn, wieħed irid iżomm f’moħħu li piż żejjed jista’ jkun il-pont li jwassal għal mard serju ieħor partikolarment għad-dijabete, il-mard tal-qalb u l-kolesterol fost oħrajn. Huwa magħruf li ċertu ikel jista’ jikkontribwixxi għal dan il-piż żejjed.

Anke l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ilha snin tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-obeżità b’mod urġenti. Fil-fatt, hu stmat li fl-2022, wieħed minn kull tmien persuni fid-dinja kienu qed jgħixu bl-obeżità.

Dan l-aħħar, b’rabta ma’ dan is-suġġett, saru wkoll sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. It-tweġibiet mogħtija mill-Ministru Abela kienu estensivi, bit-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità huma fost l-oqsma li qed jingħataw attenzjoni speċifika. 

B’mod partikolari d-diversi strateġiji li joħorġu mill-qafas ta’ politika li jirrelataw mal-obeżità, bl-aħħar waħda tkun dik dwar l-attività fiżika li tnediet f’Ottubru 2025. Ma’ dawn hemm ukoll l-Istrateġija Nazzjonali tad-Dijabete fejn hemm ukoll twettqu numru ta’ miżuri li jinkludu iż-żieda fil-mediċini għat-trattament tad-dijabete fuq il-formularju tal-Gvern u anka ż-żieda fil-professjonisti speċjalizzati f’dan il-qasam. 

Dawn huma biss ftit miżuri minn dak li ġew elenkati mill-Ministru Abela, li kif stqarr tajjeb fil-Parlament, implimentazzjoni b’suċċess ta’ kull strateġija trid tinvolvi d-dipartimenti kollha tal-Gvern, fejn is-saħħa trid tiddaħħal bħala prijorità fil-politika kollha tal-Gvern flimkien ma’ sħubija sħiħa mas-soċjetà.

Fl-istess waqt, il-Gvern qed jagħraf ukoll ir-rata għolja ta’ piż żejjed u obeżità anke fost it-tfal. Għaldaqstant qed ikun adottat approċċ nazzjonali komprensiv biex din tiġi indirizzata b’mod strutturat u sostenibbli. 

Bla dubju li l-eżerċizzju fiżiku jgħin f’dan ir-rigward u wieħed irid jadotta stil ta’ ħajja fejn jirregola d-dieta tiegħu, u dan billi jikkonsma ikel li huwa tajjeb għas-saħħa. Infakkru skoll kif din is-sena, il-Gvern offra liż-żgħażagħ l-opportunità ta’ sħubija f’gym tal-għażla tagħhom. Din il-miżura ġiet estiża għall-2026 liż-żgħażagħ għall-etajiet ta’ bejn is-16 u l-21 sena.

Għalhekk nemmnu li kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu biex tiġi miġġielda din il-problema u nħarsu ’l quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji li qegħdin jgħinu ħafna biex jintlaħaq dan il-għan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport