Thursday, November 6, 2025

‘L-OCR huwa sport li jisfidak kontinwament, iżda li jħalli fik sens kbir ta’ sodisfazzjon’ – Daniel Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?

L-ewwel darba li esperjenzajt l-OCR kien f’’Tough Mudder 2022’. Dak iż-żmien, l-OCR kienet xi ħaġa kompletament ġdida għalija, imma bl-għajnuna ta’ Robert Scerri, li għaqqad grupp ta’ nies ta’ kapaċitajiet varji u ppreparana mill-aħjar sabiex nagħmlu din l-attivitá. It-Tough Mudder hija tip ta’ OCR li fiha trid taħdem bħala grupp magħqud u tgħin lil sħabek sabiex jegħlbu ostakli ta’ kull tip. Nista’ ngħid li kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi f’ħajti. Minn wara dakinhar, xtaqt inkompli nipprattika dan l-isport ma’ sħabi, u bl-għajnuna tal-kowċ, illum inħoss li lħaqt livell tajjeb.

L-OCR huwa sport li fih trid tkun paċenzjuż u konsistenti biex ittejjeb il-kapaċitajiet tiegħek iżda fih sodisfazzjon kbir, speċjalment meta jirnexxielek tegħleb ostaklu diffiċli jew wara tellieqa mimlija ostakli. Trid ukoll kowċ li jmexxik f’direzzjoni tajba u nista’ ngħid li jien kelli xorti tajba minn dan l-aspett. Kultant ikollok xi disfatta wkoll, iżda dawn huma parti mill-isport u jgħinuk biex tissaħħaħ fil-karattru.

X’suċċessi maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Din is-sena kienet waħda pożittiva ħafna, fejn irnexxieli nikseb it-tielet post fl-“Age Group” fi Spartan Beast fl-Awstrija, tellieqa fuq 21 kilometru u madwar 30 ostaklu. Lokalment, irnexxieli wkoll nagħlaq il-Grid Elite League fit-tielet post fl-“Age Group” tiegħi.

Is-sena l-oħra, flimkien ma’ sħabi, ksibna rebħa fil-Hyrox Challenge Male Relay ta’ Malta fl-edizzjoni ta’ Settembru.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Robert Scerri?

Huwa kowċ li kull atleta jixtieq li jkollu. Nista’ ngħid li huwa teknikament kompetenti ħafna f’kull aspett ta’ “Endurance Sport”, mhux biss fit-tip ta’ taħriġ imma wkoll fuq in-nutrizzjoni. Apparti min hekk, huwa kowċ li dejjem ikun hemm għalija u għall-atleti tiegħu, pront biex jagħtik dik il-kelma ta’ kuraġġ jew biex tiftaħ qalbek miegħu. Minn meta bdejt naħdem miegħu sal-lum tjibt ħafna fl-OCR u anke fil-ġiri fuq distanzi twal.

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?

Bla dubju hawn hafna atleti Maltin li l-livell tagħhom huwa wieħed għoli ferm u li huma kompetittivi fix-xena internazzjonali. Hawn anke tfal li wrew ħila kbira f’kompetizzjonijiet barra minn Malta. Dan kollhu jgħin sabiex l-OCR ikompli jikber. Fuq livell organizzattiv għad fadal ħafna xogħol xi jsir sabiex l-OCR jiġi rikonoxxut bis-serjetá iżjed milli diġá hu.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-faċilitajiet li għandna fil-preżent biex nippratikaw huma tajbin u nemmen li maż-żmien dawn se jkomplu jitjiebu u jikbru għaliex dik hija waħda miċ-ċwievet sabiex il-livell ikompli jitjieb. Nixtieq li l-Gvern ikun preżenti iżjed u jgħin sabiex il-postijiet fejn jipprovdu l-OCR biex ikunu jistgħu jinvestu iżjed u jkunu iżjed aċċessibli għal kulħadd.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?

Ninsab entużjast ħafna biex inkompli nitħarreġ u nikkompeti fl-OCR, kemm lokalment u anke barra minn Malta. Dan huwa sport li fih trid taħdem kuljum biex tissaħħaħ fiżikament u mentalment sabiex tegħleb ostakli mhux tas-soltu li f’kull kompetizzjoni tista’ ssib, u din l-isfida timmotivani biex intejjeb lili nnifsi. Trid tkun ukoll umli u lest li titgħallem minn min hu aħjar minnek.

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.

L-OCR huwa sport li jisfidak kontinwament, iżda li jħalli fik sens kbir ta’ sodisfazzjon. Permezz tiegħu titgħallem li l-konsistenza u l-perseveranza jwassluk biex tegħleb l-ostakli, mhux biss f’sens sportiv imma anke fil-ħajja, fejn l-isfidi ma jonqsux. Għalhekk inħajjar lil dawk li jixtiequ sfida li tnanqlek sabiex jippruvaw dan l-isport mill-isbaħ. Il-komunitá tal-OCR hija waħda li tilqa’ lil kulħadd, irrispettivament mil-livell atletiku jew l-etá tal-individwu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport