Minn Cristian Muscat
Pinar u Arthur Abela Baldacchino huma tewmin li se jagħlqu disa’ snin fil-25 ta’ Ottubru li ġej. M’hemmx dubju li huma għandhom futur sabiħ quddiemhom fl-OCR.
Kif bdiet l-imħabba tagħkom lejn l-OCR?
Aħna tewmin u differenti ħafna min xulxin, imma l-isport tal-OCR ressaqna lejn xulxin aktar bħala aħwa. Il-mama tagħna Claudette kienet ilha mhux ħażin tittrenja bħala amateur runner, iżda mbagħad kienet bdiet tinteressa ruħha fil-‘Crossfunctional training’ għand Julian Briffa. Kien min hawnhekk li bdiet il-ħajra tagħna bħala aħwa biex nibdew nittrenjaw l-OCR għand Julian Briffa. Bis-saħħa tagħna l-mama bdiet tinteressa ruħha wkoll fil-Hyrox u bħalissa qed tittrenja għal kompetizzjoni ta’ ‘The Club’ ta’ Julian Briffa li se issir fit-23 ta’ Diċembru li ġej. Aħna min naħa tagħna għaddejjin bit-training biex għal sena oħra nieħdu sehem f’The Grid mal-Klabb tagħna.
X’suċċessi maġġuri ksibtu fil-karriera tagħkom sa issa?
Jekk xejn ir-reżiljenza u d-dixxiplina. Irridu nkunu fil-ħin għat-taħriġ u l-ħin li nagħmlu fil-grawnd irid ikun ħin ta’ attenzjoni kbira. Dan għalina huwa diġa success kbir minnu nnifsu. Fix-xitwa aktar milli fis-sajf għax irridu nagħmlu l-homework, nistudjaw u fl-istess ħin insibu ħin għall-isport, MUSEUM u duttrina.
Aħna Cubs mal-Iscouts ta’ Bormla wkoll u minbarra hekk immorru wkoll Stagecoach u allura dan kollu jfisser li għandna bżonn dixxiplina kbira. L-OCR tagħna l-għodda għal dan. S’issa ħadna sehem f’The Grid kemm-il darba, imma nixtiequ li nkomplu navvanzaw u nibdew nieħdu sehem f’kompetizzjonijiet oħra ma The Club.
X’tikkummentaw fuq il-kowċ, Julian Briffa?
Julian Briffa huwa kowċ mill-aqwa. Jgħallimna t-tattika, jgħallimna niffukaw u nikkonċentraw fuq it-taħriġ. Iżda fuq kollox Julian jagħmlilna kuraġġ kbir. Bdejna żgħar ma The Club, iżda mhux talli Julian ma qatax qalbu minnha talli ra kif għamel biex aħna nitjiebu ma kull sessjoni ta’ training li nagħmlu miegħu. Dan għalina kien inkoraġġiment kbir. Illum il-ġurnata Julian għallimna mhux biss kif niffukaw iżda t-team spirit ukoll.
Kif tqisu l-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell huwa tajjeb ħafna. Issa aħna għandna ċans daqs il-kbar nittrenjaw u nikkompetu. Aħna għandna vantaġġ fuq il-kbar għax bdejna t-taħriġ minn età żgħira.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Aħna nittrenjaw għand Julian The CLUB arena l-Qrendi. Dan huwa l-aqwa post u l-aktar sikur u fl-istess ħin tagħmel ħbieb ġodda, apparti li viċin id-dar. Aħna nħarsu ‘l quddiem biex nikkompetu mill-aktar fis possibbli u qed nistennew The Grid b’ħerqa bħal ma nagħmlu dejjem.
Kif qed tħarsu lejn il-futur tagħkom fl-OCR?
Dan l-isport jgħinna ħafna fil-ħajja personali tagħna. Aħna għandna bżonn ħafna sport biex niżvugaw wara li stress tal-iskola. The Club ta’ Julian Briffa itina din l-opportunità.
Għaddu messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR.
Aħna, Pinar u Arthur ilna issa tliet snin immorru nittrenjaw għand Julian. Inħeġġu tfal bħala biex jagħmlu kuraġġ, jingħaqdu magħna. Għalina The Club huwa t-tieni familja tagħna!