Saturday, December 21, 2024

“L-ogħla interess tagħna, u l-bażi tas-suċċess tagħna, hija li kulħadd jgħix aħjar”

Aqra wkoll

Alex Muscat – Kif jgħid l-islogan politiku tiegħu, huwa wieħed minna. Mosti, iben il-ħaddiema, u qed jikkontesta din l-elezzjoni ġenerali fuq it-tmien u l-ħdax-il distrett. 

Minn dejjem interessawh il-politika u l-ekonomija u gradwa bħala ekonomista. Il-mixja tiegħu fil-politika u fil-Partit Laburista bdiet minn età żgħira, u sentejn ilu ngħata fiduċja mill-Prim Ministru Robert Abela bħala Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-ċittadinanza u l-komunitajiet. B’dan il-portafoll, ħadem minn qalbu biex iħares il-komunitajiet Maltin. 

Kulma jagħmel, jagħmlu fl-interess tiegħu bħala politiku, bħala ċittadin, iżda fuq kollox bħala missier ta’ Eva, li llum għandha tliet snin. 

Iżda minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

Bdiet mid-dar. Familti, bħal ħafna familji Maltin u Għadwxin, issegwi l-politika b’ċertu interess, liema interess writtu jien ukoll. Minn dejjem fhimt li nistgħu inkunu protagonisti fid-deċiżjonijiet li jittieħdu f’pajjiżna, u minn dejjem fhimt li l-politika tippermettilek ittejjeb ħajjet in-nies.  

Ta’ sittax-il sena, kont elett rappreżentant tal-istudenti f’isem il-PULSE u aktar tard, waqqaft il-Fondazzjoni IDEAT. Fl-2012 kont elett bħala mexxej tal-minoranza tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, u rreġistrajt l-ogħla numru ta’ voti li qatt kiseb kwalunkwe kandidat fl-istess lokalità. Aktar tard kont fdat biex inkun parti mit-tim tas-Segretarjat Privat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u ftit wara sirt deputat kap tal-istess uffiċċju. Ta’ dawn l-opportunitajiet kollha, dejjem se nibqa’ grat. 

X’inhu s-sigriet biex jirnexxielu jagħmel dan kollu u jsib bilanċ u ħin għal kollox?

Il-politika hija vokazzjoni. L-importanti hu li ma tqishiex bħala xogħol jew xi ħaġa li trid tagħmel bilfors, imma li temmen fiha b’konvinzjoni u fil-valuri li verament tħaddan. Meta xi ħaġa tfisser ħafna għalik, tagħmilha minn qalbek. Dik hija l-motivazzjoni kollha li jkollok bżonn biex tlaħħaq mal-aspetti kollha tal-ħajja. Grazzi mmens lill-familja u l-ħbieb tiegħi tal-appoġġ kontinwu.  

Skont Alex, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

Dak li jinkwieta lin-nies jinkwieta lili wkoll, għax jien wieħed min-nies. Sa ftit ilu, konna qed ninkwetaw fuq il-pandemija globali. Issa li anke l-Unjoni Ewropea qed tirrikonoxxi li pajjiżna laqa’ u ħa ħsieb jimmitiga bl-aħjar mod possibbli l-effetti ta’ din il-pandemija, għandna quddiemna sfidi oħrajn. Is-sitwazzjoni politika fir-Russja u l-Ukrajna toħloq tħassib, liema tħassib nindirizzawh billi naġixxu dejjem fl-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi, billi nkunu ta’ spalla kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji. 

Tlabna lil Alex kemm għadu validu t-twemmin politiku li jemfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista?

Validissimu! Infatti, il-politika tagħna hija bbażata proprju fuq dan il-prinċipju. Li ninċentivaw liż-żgħir, biex jeleva ruħu fis-soċjetà. Li nimmotivaw lin-nisa biex joħorġu jaħdmu, li nżidu l-pensjonijiet, li nappoġġjaw lill-istudenti, lill-first time buyers, lil min għandu bżonn mediċini jew trattamenti relatati mas-saħħa. Aħna l-partit li tajna l-ikbar motivazzjoni lin-negozji u negozjanti biex jinħoloq il-ġid f’pajjiżna, għax b’hekk biss jista’ jkollna rota ekonomika li ddur għal kulħadd, u b’hekk biss nistgħu nippermettu li noħorġu bi skemi u inizjattivi li jgħinu lil min l-aktar li għandu bżonn fis-soċjetà. 

Jekk Alex jerġa’ jingħata l-fiduċja, x’timbru jixtieq iħalli bħala Membru Parlamentari?

Nixtieq li nibqa’ mfakkar għal stil ta’ politika determinata imma imwettqa b’umiltà. Nemmen ħafna fl-għaqda, u li b’mod raġunat, nistgħu naslu biex inwettqu miżuri li minnhom jibbenefika kulħadd. Nixtieq fuq kollox li nkompli nwettaq dak li nemmen fih: il-ħolqien ta’ aktar prosperità fil-pajjiż, li tintuża biex terfa’ lil min għandu bżonn l-id tagħna ta’ appoġġ. 

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Alex, kif jara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

Qed inkunu ċari f’dak li qed ngħidu li se nwettqu jekk nerġgħu ningħataw fiduċja. Il-pjan hu li mmorru lejn Malta isbaħ, lejn kwalità tal-ħajja aħjar, u lejn aktar opportunitajiet għal kulħadd. Dawn huma l-għanijiet li jistgħu jintlaħqu biss bil-pjan b’saħħtu li qed inressqu quddiem il-poplu. 

Partit Laburista fil-Gvern se jnaqqas it-taxxa għan-negozji, se jinvesti b’mod bla preċedent f’ambjent aħjar, se jgħin liż-żgħażagħ biex iwettqu l-ħolm tagħhom, se jgħin lill-anzjani jgħixu aħjar, se jgħin lill-familji jkollhom aktar dħul, se jqis lill-edukaturi bħala l-bażi għas-suċċess ta’ wliedna, u se jagħti garanziji għat-tfal, biex kull tifel u tifla jgħixu fid-dinjità li ħaqqhom. 

Se nibqgħu niġġeddu għax m’aħniex suppervi. Bil-provi urejna li kapaċi nagħtu widen, nikkonsultaw, nirriformaw, u nbiddlu deċiżjonijiet fejn hemm bżonn. Għax l-ogħla interess tagħna, u l-bażi tas-suċċess tagħna, hija li kulħadd jgħix aħjar.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Alex, xtaq jgħaddi messaġġ finali lill-elettorat Malti…

Lill-elettorat Malti nħeġġu jirrifletti sew dwar id-dritt demokratiku tiegħu, li se jeżerċitah nhar is-26 ta’ Marzu. L-elettorat irid iġib quddiem għajnejh il-mod li bih tmexxa l-pajjiż matul dawn l-aħħar snin, u jqabbel dawn id-deċiżjonijet man-nuqqas ta’ deċiżjonijiet li ġew min-naħa tal-oppożizzjoni. 

Mhux l-istil tiegħi li nkun negattiv, iżda quddiemna għandna għażla. Hawn qed nitkellmu dwar il-ġid u prosperità tagħna u ta’ wliedna, u l-ġejjieni ta’ binti nixtieq nafdah f’idejn min kellu ħafna sfidi quddiemu, u kien hemm mumenti meta kien hemm bżonn li d-deċiżjonijiet jinbidlu, imma kull sfida daħal għaliha b’konsistenza u kull deċiżjoni ttieħdet b’sens ta’ għaqda. Aħna ma naħdmux b’fazzjonijiet interni, jew biex naġevolaw lil xi wħud internament, filwaqt li niskartaw lill-oħrajn. Ikun għajb u ta’ periklu jekk min għandu partit imkisser internament, jingħata l-mandat biex ikisser pajjiż sħiħ. 

Lill-elettorat ngħidlu jivvota b’moħħu u b’qalbu. B’moħħu, biex b’mod razzjonali jirraġuna min għandu l-aħjar attitudni u track record denju għat-tmexxija tal-pajjiż, u b’qalbu, biex jiftakar li l-vot tiegħu jaffettwa lill-aktar nies li jħobb f’ħajtu.

Ekonomija

Sport