L-atleta Olandiż, Steven van de Velde, li fl-2016 instab ħati ta’ stupru fuq tifla ta’ 12-il sena u ntbagħat erba’ snin ħabs, safa eliminat fil-beach volley fir-round tal-Aħħar 16.
Iż-żagħżugħ ta’ 29 sena, li kien ibbujjat mill-ispettaturi matul il-Logħob kollu, ifforma koppja ma’ Matthew Immers. Huma sfaw megħluba mill-koppja Brażiljana, Evandro Oliveira u Arthur Lanci, bl-iskor ta’ 2-0 (21-16, 21-16).
Wara t-telfa tagħhom, Van de Velde u Immers qasmu mument mill-qalb, tgħannqu u ħadu b’id xulxin mal-avversarji liema mossa hija waħda tradizzjonali.
Imbagħad l-Olandiżi ħadu mument fuq il-bank biex jirriflettu fuq il-vjaġġ tagħhom.
Hekk kif ħareġ mill-pitch, Van de Velde deher ixejjer lill-folla, liema ġest ntlaqa’ b’reazzjonijiet imħallta, hekk kif partitarji Olandiżi rreċiprokaw it-tislima tagħhom filwaqt li oħrajn komplew juru d-diżapprovazzjoni tagħhom lejh b’aktar ibbuwjar.