Friday, May 3, 2024

L-Olandiż Max Verstappen jirbaħ il-Kampjonat tal-Formula Wieħed għat-tieni darba

Aqra wkoll

Is-sewwieq Olandiż, Max Verstappen (Red Bull) rebaħ it-tieni kampjonat tal-Formula Wieħed meta fadal ħames tiġrijiet għat-tmiem. 

Huwa rebaħ il-Grand Prix tal-Ġappun wara li ddomina mill-bidu sal-aħħar liema tiġrija kellha 28 dawra minn massimu ta’ 70 minħabba x-xita kontiwa li niżlet li għamlet il-kundizzjonijiet verament diffiċli. Huwa waqqaf l-arloġġ f’ħin ta’ 3:01:44.004.

Ir-rival dirett tiegħu, Charles Leclerc (Ferrari), li spiċċa fit-tieni post, ingħata penalitá ta’ ħames sekondi minħabba li kiseb vantaġġ fuq il-Messikan, Sergio Perez (Red Bull), fl-aħħar dawra meta dan tal-aħħar beda jattakkah. 

Wara żewġ dawriet, it-tiġrija kellha titwaqqaf minħabba li fl-ewwel dawra Carlos Sainz (Ferrari) u Alex Albon (Williams) kienu nvoluti f’ħabta. 

Iżda minħabba l-fatt li x-xita bdiet tiżdied, kien hemm indikazzjoni li t-tiġrija setgħet titħassar iżda eventwalment ix-xita naqset u għaldaqstant ġie deċiż li titkompla sakemm jintemm il-ħin stipulat li laħħaq it-28 dawra. 

Iżda sadanittant, kien hemm inċident li seta’ kellu konsegwenzi koroh meta filwaqt li l-Franċiż, Pierre Gasly (Alpha Tauri) kien għaddej b’veloċitá huwa seta’ ħabat ma’ krejn li dak il-ħin kien fil-ġenb tat-trakka jiġbor il-karozza ta’ Sainz. 

Dan l-inċident fakkar it-traġedja ta’ Jules Bianchi li seħħ fl-2014, fl-istess Grand Prix tal-Ġappun, meta f’kundizzjonijiet simili baqa’ dieħel f’dan il-krejn. Huwa ma mietx mal-impatt iżda kien f’koma sakemm miet fis-17 ta’ Lulju, 2015.

Verstappen esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-rebħ tal-kampjonat meta qal:

“Ninsab sodisfatt … bla kliem. Kienet tiġrija diffiċli għal kulħadd minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp. 

“Sodisfatt ħafna li rbaħt f’dan il-pajjiż … il-pajjiż tal-Honda … quddiem l-ispettaturi Ġappuniżi.”

Intant, fit-tieni post temm Sergio Perez wara l-penalitá li ngħata Leclerc, bir-raba’ post jittieħed mill-Franċiż Esteban Ocon (Alpine), segwit mill-Britanniku Lewis Hamilton (Mercedes), il-Ġermaniż Sebastian Vettel (Aston Martin) u l-Ispanjol Fernando Alonso (Alpine).

Il-klassifika bħalissa hija (ta’ fuq): 366 – Max Verstappen; 253 – Sergio Perez; 252 – Charles Leclerc; 207 – George Russell; 202 – Carlos Sainz; 180 – Lewis Hamilton

Sport