Sunday, December 22, 2024

L-Ombudsman jikkonferma d-deċiżjoni fil-każ imressaq mill-MPE Alex Agius Saliba

Aqra wkoll

F’Lulju li għadda, l-Ombudsman Ewropew għalaq l-investigazzjoni dwar il-każ imressaq mill-MPE Laburista Alex Agius Saliba dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tħaddem persuna li ma jitkellimx bil-Malti fl-uffiċċju tas-Semestru Ewropew f’Malta.

L-Ombudsman qabel mat-talba ta’ Agius Saliba u rrakkomanda li l-Kummissjoni terġa tibda l-proċess tal-għażla. Wara bosta dewmien, il-Kummissjoni rrispondiet li mhux xieraq li terġa tibda l-proċess ġaladarba l-individwu magħżul issa nħatar u qed jagħmel xogħolu sewwa. Wieħed jistaqsi, forsi d-dewmien fir-risposta kien intenzjonat biex iwassal għal din ir-risposta?

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Ombudsman irrifjuta r-risposta tal-Kummissjoni u kkonferma li l-għażla ta’ ħaddiem li ma jitkellimx bil-Malti kien każ ta’ malamministrazzjoni tal-proċedura tal-għażla. L-Ombudsman stqarr ukoll li d-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tirrispondi għar-rakkomandazzjonijiet huwa aġir mhux aċċettabli.

L-MPE Laburista, li riċentament ġie ri-elett, għamel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-konklużjoni. “Naprezza l-ħidma tal-Ombudsman u r-rieda tiegħu sabiex din il-kwistjoni tingħalaq. Id-deċiżjoni turi biċ-ċar li l-firxa wiesgħa ta’ poter tal-Kummissjoni Ewropea tista tiġi mrażżna. Nħares il-quddiem sabiex inkompli l-ħidma tiegħi biex niżgura li l-operat tal-Kummissjoni ma jkunx ta’ detriment għall-identita’ Maltija.”

Dan il-każ beda f’Awwissu 2022 meta l-MPE Laburista nnota li l-Kummissjoni Ewropea għażlet individwu ta’ nazzjonalita barranija għall-pożizzjoni ta’ Analista Ekonomiku fi ħdan l-Uffiċċju tas-Semestru Ewropew f’Malta. Il-kriterji tal-għażla kienu jinkludu li l-applikanti jridu jitkellmu bil-Malta. Ir-rwol tal-uffiċjal magħżul jinkludu taħdidiet regolari ma’ rappreżentanti mis-soċjetà f’livell lokali. Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea għandha uffiċċju tas-Semestru Ewropew f’kull Stat membru sabiex tiffaċilita dawn it-taħdidiet. Għalhekk hija prassi li l-kriterji tal-għażla jinkludu li l-uffiċjali magħżula jkunu jafu jitkellmu l-lingwa lokali.

Il-Kummissjoni Ewropea argumentat li l-kandidat magħżul, li ġej mil-Latvja, qed iwettaq xogħolu b’suċċess u beda jitgħallem il-Malti. L-MPE Laburista kkummenta dwar dawn l-osservazzjonijiet. “L-ilment tiegħi qatt ma kien dwar il-kandidat magħżul, Martin Zemitis, iżda dwar l-abbuż tal-Kummissjoni tal-ħila tagħna li nitkellmu bl-Ingliż. Għalkemm ma għandi l-ebda dubju dwar l-abbiltajiet professjonali tas-Sur Zemitis, hija ovvja li qed iwettaq xogħolu bl-Ingliż. F’pajjiżi oħra l-Kummissjoni qatt ma tippretendi jew tħalli li l-kandidati magħżula jwettqu xogħolhom bl-Ingliż, u mhux ġust li aħna l-Maltin niġu kkastigati għall-ħila tagħna li nitkellmu lingwa oħra barra l-ilsien tagħna.”

Agius Saliba nnota li dan il-każ kien konfront żgħir fit-taqbida tagħna sabiex nħarsu l-identita’ tagħna. “Kwistjonijiet bħall-kriterji tal-għażla għal ħaddiema tal-Kummissjoni huma ċkejkna u fid-dehra ma jħallu l-ebda mpatt meta meqjusa waħidhom, iżda huma ta’ tħassib kbir meta jiffurmaw parti minn katina ta’ azzjonijiet simili li, kollettivament, iwasslu sabiex jiġu mnaffra l-lingwa u l-kultura Maltija. Irridu naġixxu għal kull waħda minn dawn l-azzjonijiet li individwalment jidhru trivjali sabiex niżguraw li l-identita’ tagħna tiġi rispettata.”

Ekonomija

Sport