Fi stqarrija il-Gvern qal li, “fuq deċiżjoni daqstant importanti bħalma hija dik tal-ftuħ tal-iskejjel, liema deċiżjoni taffettwa mhux biss il-preżent imma l-futur tat-tfal u l-istudenti tagħna, l-Oppożizzjoni tagħżel li titkellem b’mod partiġġjan mingħajr ma tgħid x’inhi l-pożizzjoni tagħha.”
L-istqarrija kompliet tg]id li “Oppożizzjoni matura għandha żżomm quddiem għajnejha l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox fi kwistjonijiet li jolqtu l-futur edukattiv ta’ uliedna u ulied uliedna.”
Fl-aħħar xhur saret ħidma kbira mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u mal-istakeholders ewlenin sabiex tfasslu linji gwida li jaraw li r-riskju ta’ tixrid ta’ COVID-19 fl iskejjel jiġi minimizzat kemm jista’ jkun. Iddaħħlu miżuri biex dawn il-linji gwida jiġu implimentati.
Kien spjegat li l-edukaturi tagħna ntalbu jibdlu sistemi li kienu ilhom li ndraw sabiex l-iskejjel jaġġustaw irwieħhom għal-limitazzjonijiet li ġew imposti fid-dawl tal-miżuri li għandhom l-għan li jimminimizzaw ir-riskju ta’ tixrid ta’ COVID-19. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jirringrazzja lill-edukaturi tagħna tal-ħidma li wettqu u se jkompli għaddej bil-laqgħat mar-rappreżentanti tagħhom għaż-żmien li ġej.
Il-Gvern temm jg]id li “nemmnu li flimkien nistgħu negħlbu din l-isfida wkoll u nagħtu l-aħjar edukazzjoni lil uliedna u ulied uliedna, ċioé edukazzjoni fil-klassi.”