Friday, April 19, 2024

FL-ISTATI UNITI – Pedofelu jingħata sentenza għall-mewt

Aqra wkoll

Ġustizzja għal tifla ta’ disa’ snin li sfat stuprata, ittorturata u mifgugħa sal-mewt

Minn – CARMEN CACHIA

Il-pedofelija hija att kriminali mifrux ħafna aktar milli naħsbu tant li hija kkonsidrata bħala “epidemija siekta” minħabba li m’hiex irrapportata u diskussa biżżejjed. Kura m’hemmx u proprju għalhekk l-għaqdiet internazzjonali f’dan il-qasam jemmnu li l-aħjar strateġija biex dan l-abbuż kiefer fil-konfront ta’ minuri jieqaf, hija li jipproteġu lit-tfal, jedukaw u jżidu l-għarfien pubbliku, kif ukoll jistudjaw lill-predaturi nnfushom. Il-pieni li l-qrati jagħtu f’dawn il-każijiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor u waħda li ttieħdet riċenti fl-Istati Uniti kienet dik għall-mewt lil pedofelu li bla ħniena stupra, qatel u ħeba l-kadavru tal-vittma tiegħu f’bagalja sakemm imbagħad ħeles mill-ġisem billi ramih f’bajja.

Il-każ seħħ fi Florida f’Mejju tal-2014 u wara sitt snin, il-qorti tat piena ħarxa lil Granville Ritchie li nstab ħati għall-istupru u l-qtil tat-tifla ta’ disa’ snin, Felecia Williams. Il-predatur, raġel ta’ 41 sena, ittortura lill-vitma tiegħu sesswalment sakemm fgaha u wara ħeba l-ġisem bla ħajja tagħha f’bagalja. It-“Tampa Bay Times” irrapportat li Ritchie ngħata sentenza għall-mewt fejn il-maġistrata Michelle Sisco qalet li, “il-vittma sofriet uġigħ fiżiku tal-biżgħa u kienet ittorturata psikoloġikament sakemm mietet”. Fix-xhieda tal-qorti ngħad li Ritchie kien f’relazzjoni mal-ġara ta’ Felicia, Eboni Wiley u darba minnhom il-koppja kienu qegħdin jieħdu ħsieb lit-tifla. Kien Ritchie li ħa lura lil Felecia għand ommha.

Wiley marret tixtri d-droga marijuana u kien hawn li Ritchie attakka sesswalment lit-tifla biex imbagħad qatilha. Fil-qorti ħareġ tagħrif ieħor fejn ingħad li wara l-omiċidju jidher li Ritchie ħeba l-kadavru tat-tifla f’bagalja u pprova jeħles mill-provi billi tefa’ l-istess bagalja f’Tampa Bay. L-Associated Press irrapportat li fil-bidu tal-interrogazzjonijiet Wiley qalet lill-pulizija li Felecia ħarbitilhom. Il-mara biddlet il-verżjoni tagħha hekk kif instab il-ġisem tat-tifla. Waqt is-smigħ Wiley qalet li Ritchie ta lit-tifla xi flus biex tmur tixri l-ħelu minn ħanut viċin u li qatt ma rritornat. Wiley instabet ħatja li gidbet waqt li kienet qiegħda ssir investigazzjoni ta’ għibien ta’ persuna. Hija se tidher quddiem il-qorti b’din l-akkuża x-xahar id-dieħel. L-avukat ta’ Ritchie pprova jikkontesta s-sentenza għall-mewt li ngħatat lill-klijent tiegħu fejn saħaq li Rithie kellu trobbija iebsa mimlija abbuż. Is-sentenza ngħatat minn ġurija b’mod unanimu wara li l-pedofelu nstab ħati ta’ qtil fl-ewwel grad, attakk sesswali u abbuż aggravat fuq minuri. Familja tesprimi dulur kbir Il-familja tal-vittma kienu mkissra wara t-telfa tal-għażiża Felecia. Huma taw ix-xhieda tagħhom fis-smigħ tal-kawża kontra r-raġel li b’mod tant brutalli “serqilhom” lil din it-tifla tant ħelwa. Fost dawn kien hemm l-omm, in-nanna, missierha u anke oħtha l-kbira.

“Stennejt 2,310 ġurnata sabiex fl-aħħar jasal dan il-jum,” qalet Felecia Demerson, omm il-vittma. “Illum ninsab quddiemkom bħala omm li sofriet u liebsa kollni iswed għax illum irrid nidfen lil Ritchie,” stqarret din l-omm. Hija kellha magħha kutra b’wiċċ bintha stampata fuqha fejn spjegat li kull meta tħossha se titkisser emozzjonalment, hija ssib wens billi titgeddes biha. “Inqum u naħseb fiha. Nimtedd u naħseb fiha. L-unika ħaġa li jiddispjaċini hija li jien ma nistax niddeċiedi x’se jiġri minnu għax kieku nitlob li jgħallquh u dan biex iħoss dak li ħasset binti,” qalet imbikkma Demerson. L-oħt il-kbira ta’ Williams, Shakeila Given, waqt li kienet qiegħda titkellem infaqgħet tibki u stqarret li għalihom oħtha kienet id-dinja mentri l-predatur ramiha qisha ma kienet tiswa xejn.

Hija qalet li Alla jilħaq lil kulħadd u l-istess qiegħed għamel fil-każ ta’ Ritchie. Min-naħa l-oħra missier Williams, Jerome Williams, fil-qorti ħasad lil kulħadd meta ddikjara li jaħfer lir-raġel li qatillu lil bintu. “Naħfirlek ħabib. Daqshekk Alla huwa kbir. Illum ninsab hawn bi tbissima fuq wiċċi u ma nixtieqlekx deni. Inti “ħija”. Għamilt żball. Għad għandek ċans tagħmel paċi ma’ Alla,” sostna l-missier. Wara li l-maġistrata Michelle Sisco tat is-sentenza tagħha hija daret fuq Ritchie u qaltlu: “Jekk tasal li titlob lil Alla qabel il-jum li fih se tingħata l-mewt u verament titlob maħfra u tħoss rimors għad-dnubiet u l-atti kriminali li għamilt, nispera li tingħata assoluzzjoni. J’Alla, Sur Ritchie, il-Mulej ikollu ħniena minnek,” temmet Sisco.

Sport