Wednesday, February 4, 2026

L-Oppożizzjoni tivvota kontra n-nomina ta’ Consuelo Scerri Herrera għal Prim Imħallef

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

39 favur u 34 kontra l-mozzjoni mressqa mill-Gvern biex l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tinħatar Prim Imħallef ma ġiex approvata. Biex tiġi approvata wara tibdil Kostituzzjonali li kien daħħal Gvern Laburista hemm bżonn ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

Aktar kmieni: Se tiġi diskussa l-mozzjoni tal-Gvern dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef

Fis-seduta parlamentari tal-Erbgħa, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia rreferiet għall-iżviluppi li saru fl-aħħar sigħat. Qalet li lbieraħ il-Gvern ressaq mozzjoni biex illum issir diskussjoni u vot dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.

“Tlabt biex dan il-vot jittieħed illum b’sens ta’ responsabbiltà minħabba li llum jiġi fi tmiemu dan it-terminu. Wara r-ruling li ngħata lbieraħ wieħed għandu jifhem l-importanza u s-sensittività tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Sentiment li ġie rifless fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-President fl-aħħar sigħat,” qalet l-Onor. Cachia.

Hija qalet li fl-aħħar ħin bagħtet ittra lill-Whip tal-Oppożizzjoni fejn talbitu terġa’ tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward.“Għalhekk se nerġa’ ntenni l-appell biex din il-mozzjoni titiqegħed fis-seduta parlamentari tal-lum u llum fis-7.00 p.m. nieħdu dan il-vot daqstant importanti,” qalet l-Onor. Cachoa.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fakkar li d-deċiżjoni li ħadet l-Oppożizzjoni lbieraħ kienet f’linja mar-regolamenti parlamentari. “Però llum wara li tkellimt mal-President tar-Repubblika, inħoss li fl-interess nazzjonali, il-mozzjoni mressqa mill-Prim Ministru lbieraħ stess għandha tiġi diskussa llum fil-Parlament u għandna nieħdu vot aktar tard illum,” qal Dr Borg.Is-seduta parlamentari ġiet sospiża għal ftit ħin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport