Wednesday, February 4, 2026

L-Oppożizzjoni tivvota kontra n-nomina tal-Imħallef Scerri Herrera bla ma tagħti raġuni

Diskussa l-mozzjoni tal-Gvern dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni llejla ddiskutew il-mozzjoni mressqa mill-Gvern stess dwar in-nomina tal-Imħallef Dr Consuelo Scerri Herrera għal Prim Imħallef. Fl-aħħar tas-seduta ttieħed ukoll vot fuq din il-mozzjoni li iżda ma kisbitx l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Kamra wara li l-Oppożizzjoni vvutat kontra.

L-Oppożizzjoni taqbel li tiġi diskussa l-mozzjoni tal-Gvern

Fil-bidu tas-seduta parlamentari tal-lejla, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia għamlet referenza għall-iżviluppi li saru fl-aħħar sigħat. Fakkret kif it-Tlieta li għadda, il-Gvern kien ressaq mozzjoni biex fis-seduta parlamentari tal-Erbgħa ssir diskussjoni u vot dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid. Qalet li wara r-ruling tal-Ispeaker, wieħed għandu jifhem l-importanza u s-sensittività tas-sitwazzjoni, sentiment li qalet li ġie rifless ukoll fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President. 

Fil-fatt, il-President Myriam Spiteri Debono llum ħeġġet lill-Gvern u l-Oppożizzjoni sabiex fl-ispirtu tal-emendi Kostituzzjonali li saru fl-2020 ifittxu toroq li jwassluhom għal qbil fuq il-ħatra ta’ Prim Imħallef. “Dan fl-interess tal-Qrati u l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, is-Saltna tad-Dritt, l-Istat u fuq kollox il-poplu tagħna.”

Fil-Parlament, l-Onor. Cachia tenniet li fl-aħħar sigħat kienet bagħtet ittra lill-Whip tal-Oppożizzjoni fejn talbitu sabiex terġa’ tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward u tenniet l-appell biex il-mozzjoni tal-Gvern tkun diskussa fis-seduta tal-lum u jittieħed vot dwarha fl-aħħar tas-seduta. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzoni Alex Borg fakkar li d-deċiżjoni li ħadet l-Oppożizzjoni llejla kienet f’linja mar-regolamenti parlamentari. Però, huwa qal li wara li tkellem mal-President tar-Repubblika, iħoss li fl-interess nazzjonali, il-mozzjoni mressqa mill-Prim Ministru kellha tiġi diskussa llejla fil-Parlament u tittieħed vot dwarha.

Il-PM jgħid li l-Imħallef Scerri Herrera kienet ukoll “l-għażla tal-Kap tal-Oppożizzjoni”

Fid-dibattitu parlamentari, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li l-għażla tal-Kap tal-Oppożizzjoni, daqskemm kienet tiegħu, kienet li l-Imħallef Scerri Herrera tkun il-Prim Imħallef illi jmiss. 

Kien hawn fejn il-Prim Ministru staqsa x’inbidel jekk din kienet l-għażla tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-istess waqt innota li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma tax raġuni waħda għalfejn l-Imħallef Scerri Herrera kienu se jivvutaw kontra tagħha. 

Il-Prim Ministru qal li huwa ressaq ’il quddiem bl-akbar responsabbiltà l-għażla tal-Gvern għaliex minkejja d-diskussjonijiet, l-isem tal-Imħallef Scerri Herrera ma tressaq qatt għad-diskussjoni quddiem il-Grupp Parlamentari tal-PN.

“L-Imħallef Scerri Herrera għamlet ġieħ lill-Qrati tagħna, bis-sens profond ta’ ġustizzja li wriet,” tenna l-Prim Ministru filwaqt li rringrazzja lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti tal-ħidma tiegħu. 

Il-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni sabiex tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha u tressaq raġuni waħda għalfejn kienu se jivvutaw kontra l-Imħallef Scerri Herrera. Tenna wkoll li wasal il-mument li ssir diskussjoni fuq anti-deadlock mechanism biex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu żblukkati. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard enfasizza l-passi responsabbli u msejsa fuq l-interess nazzjonali li ħa l-Gvern. 

“Konna u għadna tal-fehma li l-Imħallef Scerri Herrera għandha kredenzjali, l-għarfien, il-ħiliet, l-esperjenza u l-integrità sabiex sservi f’din il-kariga,” qal il-Ministru Attard.

Tenna li l-Gvern qiegħed jagħmel dmiru skont il-kostituzzjoni u ressaq quddiem din il-kamra isem ta’ Mħallef, li serviet viċin it-30 sena fil-ġudikatura. 

Il-Ministru Attard sejjaħ lill-membri tal-Kamra jagħmlu dmirhom u japprovaw din il-mozzjoni kif jixraq lil dan il-pajjiż. Fl-istess waqt li appella għall-maturità minn kulħadd u diskussjonijiet serji fuq din il-materja. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-Prim Ministru ma ġiex minn jeddu jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef. Qal li huwa għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara mill-bidu nett, li n-nomina li ressaq il-Prim Ministru ma kinitx se ssib l-approvazzjoni tal-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Dr Borg saħaq li hekk kif ma kienx hemm qbil dwar in-nomina mal-Prim Ministru, huwa kien ukoll ippropona isem alternattiv li qal li żammu kunfidenzjali. Qal li l-ħatra ta’ Prim Imħallef mhix xi “talent show” u li huwa għandu rispett lejn il-membri kollha tal-ġudikatura nkluż dik nominata mill-Prim Ministru. 

Dr Borg qal li huwa kien lest jissospendi din is-seduta, jiltaqa’ mal-Prim Ministru u jagħtih ismijiet oħra. Qal li fin-nuqqas ta’ qbil li teżisti dwar in-nomina mressqa mill-Prim Ministru, bħala Grupp Parlamentari kienu sejrin jivvutaw kontra.

Fi tmiem is-seduta ttieħed vot dwar din il-mozzjoni. B’39 vot favur u 34 vot kontra, din il-mozzjoni ma kellhiex favur tagħha żewġ terzi tal-membri kollha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport