Saturday, December 21, 2024

L-Oppożizzjoni topponi liġi oħra fl-emendi kostituzzjonali … Il-President tal-KE tikteb lill-PM u tfaħħar lill-Gvern Malt

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Oppożizzjoni qed topponi liġi oħra mressqa mill-Gvern bħala parti mill-emendi kostituzzjonali li qed jipproponi u li qed jiġu diskussi fil-Parlament matul din il-ġimgħa.

Wara li opponiet il-liġi li tipproponi li l-ħatra tal-President tar-Repubblika ssir biż-żewġ terzi tal-Parlament, issa l-Oppożizzjoni mhux taqbel ukoll ma’ dik li taħseb biex anke l-Prim Imħallef jinħatar b’dan il-mod.

Il-Gvern qed jipproponi li fil-ħatra ta’ dawn iż-żewġ karigi l-ewwel jittieħed vot u jekk żewġ terzi ma jivvutawx favur il-persuna nominata l-Parlament jistenna sebat ijiem qabel jittieħed it-tieni vot fejn matul dan il-perjodu tista’ anke tiġi nominata persuna oħra.

F’każ li anke t-tieni vot ma jarax l-approvazzjoni taż-żewġ terzi l-Gvern qed jipproponi li jerġgħu jgħaddu sebat ijiem oħra u ssir it-tielet votazzjoni fejn din id-darba tgħaddi tal-maġġoranza.

L-Oppożizzjoni qed taqbel li l-ħatriet imsemmija jsiru biż-żewġ terzi imma mhux taqbel ma’ dik li qed tissejjaħ l-‘anti-deadlock’ jiġifieri li jekk ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat jittieħed vot u tgħaddi tal-maġġoranza.

Dan fl-istess jum li fih il-Gvern żvela ittra li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kitbet lill-Prim Ministru Robert Abela fejn esprimiet l-apprezzament tagħha għar-riformi li l-Gvern Malti qed jieħu biex isaħħaħ ir-‘rule of law’ u l-indipendenza tal-ġudikatura.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis, li qed iressaq dawn l-emendi fil-Parlament, għamilha ċara li jekk l-Oppożizzjoni twaqqaf lill-Gvern milli jagħmel dawn l-emendi meħtieġa kien se jinforma lill-Kummissjoni Venezja b’dan.

Il-Kummissjoni Venezja hija iffurmata minn grupp ta’ esperti fil-liġi kostituzzjonali u taqa’ taħt il-Kunsill tal-Ewropa. Matul is-snin hija ressqet diversi suġġerimenti lill-Gvern Malti bl-emendi li qed jitressqu jirriflettu d-diskussjoni li l-Gvern tal-ġurnata kellu magħha.

Zammit Lewis iddikjara fil-Parlament li huwa determinat li jara li jsir it-tibdil li għandu jsir kuntrarjament għal dak li ġara taħt gvernijiet Nazzjonalisti li dan it-tibdil neċessarju m’għamluhx.

Huwa għadda dik li tidher bħala botta lejn dawk il-professuri u l-kittieba meta qal li hemm min jikteb il-kotba u l-artikli imma m’għandux il-mandat tal-poplu biex jagħmlu t-tibdil.

Zammit Lewis iddikjara li l-Gvern Malti ma qabilx ma’ dak kollu li ipproponiet il-Kummissjoni Venezja u irrefera għall-kwistjoni dwar il-ħruġ tal-ismijiet ta’ dawk li japplikaw għall-vakanzi fil-ġudikatura.

Huwa semma li l-avukati żgur li ma jridux li isimhom jiġi ippubblikat jekk ma jingħatawx il-ħatra għax dan jaffettwa l-professjoni tagħhom l-iktar minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna.

Kien għalhekk li ġie maqbul mal-Kummissjoni Venezja li l-aħjar tliet kandidati għal ħatra partikolari jmorru għand il-President, mingħajr ma fl-jmorru għand il-Prim Ministru jew kabinett, u jrid jagħżel wieħed. Fl-istess waqt minbarra l-isem tal-persuna magħżulha jiġu ippubblikati wkoll iż-żewġ ismijiet l-oħra.

Zammit Lewis semma wkoll kif il-Kummissjoni Venezja riedet ukoll li jkun hemm ‘ranking’ tat-tliet kandidati imma nsista li l-Gvern Malti kien kontra bħalma kienet kontra l-Kamra tal-Avukati.

Dan għax jekk ikun hemm ‘ranking’ dawk li jiġu t-tieni u t-tielet jaf ma jħossuhomx komdi u għalhekk il-Gvern qed jissuġġerixxi li quddiem il-President jiġu ippreżentati t-tliet ismijiet u rapport ġenerali dwar kull wieħed jew waħda minnhom.

Waqt li nsista li dawn ir-riformi ilhom is-snin li kellhom jidħlu, huwa irribatta l-kritika tal-Oppożizzjoni dwar l-miżuri tal-‘antideadlock’ biex nsista li jekk ikun hemm rieda bejn iż-żewġ naħat ikun hemm qbil kif ġara fil-ħatra tal-Prim Imħallef preżenti Mark Chetcuti li qal li dwaru qablu f’żewġ minuti.

Il-ministru responsabbli mill-ġustizzja ikkwota wkoll lill-ħassieb ta’ żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, Voltaire, meta dan qal li kull bniedem huwa ħati tal-affarijiet tajba li m’għamilx u sostna li ma jridx ikun parti minn din il-kwotazzjoni.

Minbarra l-ħatra tal-Prim Imħallef, li ssir mill-President wara l-vot fil-Parlament, l-emendi suġġeriti jaħsbu wkoll biex meta jkun hemm vakanza fil-kariga ta’ mħallef jew maġistrat il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura irid jibgħat lill-President l-ismijiet tat-tliet kandidati l-iktar ideali u jkun il-President li jagħżel.

Emenda oħra tikkonċerna t-tneħħija tal-ġudikanti nkluż tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat fejn qed jiġi propost li jkun il-President li jneħħih wara vot minn żewġ terzi tad-deputati.

Ekonomija

Sport