Friday, May 3, 2024

L-ORIĠINI TAL-ĠLIED ĠEWWA IŻRAEL

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Mingħajr dubju ta’ xejn, bħalissa l-attenzjoni ewlenija tal-midja internazzjonali hija ffukata fuq dak li qiegħed jigri ġewwa l-Iżrael. Fl-ewwel ġranet ta’ Ottubru li għadu kemm għadda, rajna lill-Iżrael isoffri attakk permezz ta’ missili short-range u għadd ta’ attakki mill-milizzji tal-Hamas.

Din l-organizzazzjoni Palestinjana, minbarra li għandha din is-saħħa militari konsiderevoli meta wieħed iqis li rnexxielha tegħleb is-sistema ta’ difiża għall-kontra attakki missilistiċi li tant huwa magħruf għaliha l-Iżrael, ghandha wkoll is-sezzjoni politika tagħha, tant li kienet rebħet it-tmexxija politika ta’ Gaża permezz ta’ elezzjoni demokratika.

Minbarra r-rapporti kontienwi fuq l-attakki li qegħdin isiru minn Iżrael bhala ritaljazzjoni għall-attakk tal-Hamas li semmejna, attakki li ħallew eluf ta’ vittmi miż-żewg naħat, kif ukoll fuq is-saga tal-ostaġġi Lhud li qegħdin jinżammu mill-Hamas, madwar id-dinja qegħdin isiru ħafna programmi u kitbiet fuq l-oriġini ta’ dan il-kunflitt bejn il-Palestinjani u l-Lhud.
 
Iż-Żioniżmu

Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, l-aktar minħabba l-persekuzzjoni tal-Lhud li kienu jgħixu ġewwa l-Ewropa tal-Lvant u madwar ir-Russja kollha, będą jitwieled moviment favur li l-Lhud, li kienu ilhom eluf ta’ snin jgħixu mxerrdin madwar id-dinja, jinġabru kollha f’art waħda. L-aktar bniedem li beda jimbotta dan, permezz ta’ ħafna kitbiet ġewwa ġurnali l-aktar ibbażati ġewwa l-Ewropa tal-Punent, kien Theodor Herzl, Lhudi li kien jgħix ġewwa l-Awstrija.

Dan il-moviment favur it-twaqqif ta’ stat Lhud ingħata l-isem ta’ Żioniżmu, isem li oriġina mill-kelma Sion, l-għolja li fuqha twaqqfet il-belt ta’ Ġerusalemm. Minkejja li dik il-ħabta, dan il-moviment kellu ħafna appoġġ fost il-Lhud li kienu jgixu fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u appuntu ġewwa r-Russja, dan ftit kien igawdi simpatija fost il-Lhud li kienu jghixu fl-Ewropa tal-punent, minħabba li ġewwa dawn  il-pajjiżi, il-Lhud kienu assimilaw sew mal-bqija taċ-ċittadini u għalhekk, b’differenza tal-Lhud tal-Lvant tal-Ewropa, kienu rrispettati u setgħu javvanzaw sew f’kull aspett tal-ħajja.
 
Id-dikjarazzjoni ta’ Balfour

Meta l-Ewropa kienet mifnija bl-Ewwel Gwerra Dinjija, eżattament f’Novembru tal-1917, Arthur Balfour, il-ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, bagħat ittra lill-Lord Rothschild, li minbarra li kien jifforma parti mill-House of Lords tal-Ingilterra, kien wieħed mill-esponenti ewlenin tal-komunità Lhudija ġewwa r-Renju Unit.

F’din l-ittra, Balfour iddikjara l-appoġġ tal-Gvern Ingliż għat-twaqqif ta’ stat  Lhudi gewwa l-Palestina. Din l-ittra, li baqgħet magħrufa fl-istorja bħala d-dikjarazzjoni ta’ Balfour, dikjarazzjoni li minbarra li żiedet l-appoġġ għaż-Żioniżmu b’mod drastiku gewwa l-Ewropa tal-punent, forsi mingħajr ma kien jaf l-istess Balfour, kellha tkun il-kaġun tal-konflitt li għadna qegħdin nassistu għalih sal-ġurnata tal-lum.


 
‘L-art mingħajr poplu għall-poplu mingħajr art’

Qabel il-bidu tas-snin għoxrin tas-seklu għoxrin, ġewwa l-Palestina, il-maġġoranza assoluta tan-nies kienu Għarab Palestinjani, li kien ilhom eluf ta’ snin jgħixu ġewwa din l-art mingħajr problemi mal-minoranza Lhudija. Din il-maġġoranza Palestijani kient tqarreb it-sitt mitt elf ruħ filwaqt li maghhom kienu jgħixu madwar disgħin elf Lhudi.

Minkejja din l-popolazzjoni massiva, l-Imperu Ingliż, wara li matul l-Ewwel Gwerra Dinjija kien twebbel li jwaqqaf stat Lhid ġewwa l-Palestina, pprova jbellaghha lid-dinja li l-Palestina, li matul l-ewwel gwerra Dinjija kienet kolonja tal-Imperu Ottoman li flimkien mall-Germanja u l-Imperu Awtro-Ungeriż kien qiegħed jiġġieled kontra l-Imperu Ingliż u l-alleati tiegħu, kienet art battala minn nies u għalhekk kienet ideali sabiex jinġabru ġewwa fiha l-Lhud.

Hawnhekk ta’ min jgħid li ħafna analisti tal-istorja ta’ dan ir-reġjun jgħidu li l-vera raġuni għalfejn l-Ingilterra riedet stat Lhudi ġewwa l-Palestina kienet l-ewwel u qabel kollox sabhiex taqsam ma’ Franza l-artijiet li kienu tat-Torok wara t-tmiem tal-gwerra li semmejna kif ukoll sabiex issaħħaħ il-presenza tagħha f’dan ir-reġjun hekk qrib tal-Kanal ta’ Suez li kien il-bieb lejn l-Indja, l-akbar kolonja tar-Renju Unit.
 
Immigrazzjoni bil-pulit

Qabel lanqas kien għadu ġie ffurmat l-Istat Iżraelit, mat-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija, eluf ta’ familji Lhud bdew jixtru artijiet mingħand l-Għarab u jemigraw ġewwa l-Palestina, li issa kienet qiegħda taħt l-Imperu Ingliż.

Bil-mod il-mod, il-popolazzjoni Lhudija bdiet tiżdied. Meta l-Għarab bdew jaraw dan, bdew iqumu kontra l-Lhud u sar xi qtil ta’ xi familji Lhud. Dan kien il-bidu tax-tixrid tad-demm li għadna qegħdin naraw sal-lum.
 
Twelid u Katastrofi

Wara snin sħaħ ta immigrazzjoni Lhudija u ġlied ma jaqta’ xejn bejn il-Palestinjani u l-Lhud, bejn il-Lhud u l-Ingliżi u bejn il-Palestinjani Ingliżi ddeċidew li fl-1948 jitilqu mill-Palestina. Dan wassal sabiex fl-14 ta’ Mejju 1948, David Ben Gurion ħabbar it-twaqqif tal-Istat ta’ Iżrael.

Wara t-traġedja tal-olokawst minn Nazisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija għal ħafna Lhud dan kien twelid mill-ġdid għalihom. Għall-Palestinjani din id-data tibqa’ magħrufa bħala l-AL-Nakba jew il-katastrofi.
 
 
 
 
 

Sport