Friday, November 15, 2024

L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tniedi l-Malta Summer Festival bi preżentazzjoni tal-opra b’mod kompletament ġdid

Aqra wkoll

Bit-tnedija tal-Malta Summer Festival, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Óliver Díaz, il-Orkestra Filarmonika Nazzjonali qiegħda tippreżenta l-opra b’mod kompletament ġdid, b’aċċenn li titkabbar l-espożizzjoni ta’ dan il-ġeneru partikolarment fost udjenzi ġodda.

Il-Malta Summer Festival huwa ċelebrazzjoni ta’ mużika, dwal u lokalitajiet storiċi. Matul serati ddedikati kollha kemm huma għall-ġeneru tal-opra, numru ta’ personalitajiet immexxija minn Vittorio Grigolo se jeħduna fuq vjaġġi mużikali fost l-aktar repertorji interessanti tal-opra.

“Dan il-programm jibqa’ juri l-impenn tagħna bħala gvern lejn l-eċċellenza fil-mużika u l-kultura.   L-għan ewlieni jibqa’ biex inrawwmu fil-ħajja tan-nies l-apprezzament għall-mużika”, qal il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li dan il-programm fih varjetà, u  se jara s-sehem ta’ artisti internazzjonali kif ukoll għażla ta’ avvenimenti.

Ritratt: Jeremy Wonnacott

“Mal-aptit tal-ivvjaġġar hemm ukoll xewqa għal iżjed attivitajiet fil-miftuħ u pubbliċi wara sentejn ta’ restrizzjonijiet kontinwi. F’dawn is-sentejn ħadna ħsieb li meta pajjiżna jkun miftuħ fit-totalità tiegħu jkollna kalendarju kulturali diversifikat. Għal dan is-sajf għandna kalendarju ta’ divertiment b’saħħtu li kemm it-turisti u anke l-Maltin ser jagħtihom l-opportunità li jgawdu l-ħin liberu tagħhom f’attivitajiet bħalma huwa l-Malta Summer Festival”, qal il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Matul it-tnedija uffiċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-MPO Sigmund Mifsud spjega s-sinifikat ta’ dan il-pass għall-orkestra kif ukoll għall-pajjiż u nnota r-rwol tal-orkestra fil-produzzjoni ta’ dan il-festival mibni fuq il-bażi soda tal-grand finale tas-sena li għaddiet. “Dejjem emminna fl-importanza li norganizzaw festival bħal dan għaliex joffri l-opportunità ta’ kollaborazzjonijiet filwaqt li joħloq okkażjoni biex nikbru mużikalment, mhux biss bħala orkestra imma wkoll għall-ambjent kulturali lokali”, temm jgħid is-Sur Mifsud.

Il-Forti Sant’Iermu se jospita l-akbar avvenimenti tal-festival, waqt li kunċerti oħrajn se jsiru madwar Malta u Għawdex. Ispirat mill-ambjenti teatrali tal-opra, l-esperjenza unika tas-sajf u l-wirt kulturali tal-gżejjer tagħna, d-disinn tal-Malta Summer Festival jirrifletti l-elementi viżivi kollha li jagħmlu parti minn dan il-festival, bil-logo innifsu mnebbaħ mit-tema tal-mużika.

Matul il-perjodu ta’ bejn it-13 u l-21 ta’ Lulju, il-Malta Summer Festival se jkun ippreżentat mill-MPO bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill għall-Arti u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, u bl-appoġġ ta’ Hilton Malta, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. 

It-tagħrif kollu dwar il-festival jista’ jinkiseb minn maltaorchestra.com/malta-summer-festival/.

Ekonomija

Sport