Kundizzjoni li ddgħajjef l-għadam u tagħmlu aktar fraġli u għalhekk aktar suxxettibbli għal ksur wara waqgħat, issa se tkun parti mil-lista ta’ kundizzjonijiet li għalihom se tingħata għajnuna medika bla ħlas. Din il-kundizzjoni hi magħrufa bħala ‘Osteoporożi’, u f’Malta hu stmat li hawn ftit aktar minn 23,000 persuna ibatu minnha jew kważi 5 fil-mija tal-popolazzjoni.
Anzjana li tkellmet ma’ IT-TORĊA qalet li “indunajt bil-kundizzjoni meta kien tard wisq. Il-ħsara kienet diġa saret. Waqajt u sofrejt ksur. Minn hemm indunaw li qiegħda inbati bl-osteoporożi. Il-fatt li issa nistgħu nikkwalifikaw għall-għajnuna medika bla ħlas hi importanti għalina u din ittaffielna mill-piż finanzjarju. L-appell tiegħi, hu biex persuni nisa fosthom anzjani, jibdew jagħmlu testijiet li jittestjaw id-densità tal-għadam. Illum hawn mediċini biex jgħinuk issaħħaħ l-għadam u dan jevità kumplikazzjonijiet oħra.”
Ġie spjegat lil IT-TORĊA li l-kundizzjoni tal-Osteoporożi għandha spiża ta’ madwar 2.6 fil-mija tal-baġit kollu tal-pajjiż fuq is-saħħa. Spjegawlna li l-ispiża għas-saħħa fuq ksur tammonta għal xejn inqas minn €19-il miljun. Hemm l-ispiża imbagħad marbuta ma’ kura għal ksur fis-snin ta’ qabel u din tammonta għal madwar €8.5 miljuni. B’kollox hu stmat li din il-kundizzjoni waħidha tiswa lill-pajjiż aktar minn €30 miljun.
Din il-kundizzjoni taffettwa aktar lin-nisa fejn hu kkalkulat li 78 fil-mija ta’ dawk li jbatu biha huma nisa. Waħda mill-aktar konsegwenzi serji tal-Osteoporosis hi ksur tal-ġenbejn.
Hu kkalkulat li aktar minn tliet mitt persuna kull sena jiksru ġenbejhom minħabba l-kundizzjoni tal-osteoporożi.
Hemm diversi fatturi li jwasslu għal riskji għall-Osteoporożi fosthom it-tipjip, xorb bla kontroll, nuqqas ta’ eżerċizzji fiżiċi, teħid ta’ steroids għal diversi xhur, użu fit-tul ta’ ċerti mediċini li jaffettwaw il-livelli tal-ormoni bħal pilloli kontra l-estroġenu. Id-dieta l-aktar rakkomandata hi dik tal-Vitamina D u l-kalċju. Id-Dieta Mediterranja tgħin biex tnaqqas ir-riskju tal-osteoporożi.
L-Għajnuna Medika mingħajr Ħlas (Karta r-Roża), tingħata lil persuna eliġibbli evalwata bit-Test tal-Mezzi, jew persuna li qed tirċievi Assistenza Soċjali; Assistenza Soċjali għal Ġenitur waħdu: Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg; Pensjoni tal-Età mhux Kontributorja; jew Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u Assistenza għal Diżabilità Severa. Persuni li għandhom 80 sena jew iktar, u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari, huma awtomatikament eliġibbli għall-Għajnuna Medika mingħajr Ħlas (Karta r-Roża). Fost oħrajn biex wieħed ikunu eleġibbli għal din l-għajnuna ir-riżorsi kapitali għal koppja m’għandhomx jaqbżu €23,300 u €14,000 għal persuna waħedha.