Monday, December 23, 2024

l-proġett taċ-Ċentru tar-Riżorsi b’investiment ta’ €10 miljun fil-kampus tal-MCAST jidħol fl-aħħar fażi tiegħu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-bini taċ-Ċentru tar-Riżorsi (MRC) fl-MCAST, li għandu footprint ta’ 2,300 metri kwadri u hu mifrux fuq 4 sulari, jinsab fl-aħħar fażi tiegħu, ħabbar il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici waqt żjara fuq is-sit fil-kampus f’Raħal il-Ġdid.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “L-investiment huwa importanti biex inkomplu niżviluppaw l-ambjent fiżiku kif ukoll ninvestu fl-istudenti u fl-edukaturi tagħna. Dan iċ-ċentru huwa eżempju ta’ kif nibnu spazji għat-tagħlim bl-aħħar teknoloġija biex jibbenefikaw minnu uliedna u ulied uliedna. Dan mhuwiex biss investiment f’binja imma rridu noħolqu spazju fejn l-edukaturi u l-istudenti joħolqu xogħol kreattiv u innovattiv, spazju li jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni lil hinn mill-klassi. Iktar ma jgħaddi żmien, iżjed qed naraw li bosta studenti jagħżlu korsijiet vokazzjonali u għalhekk ninsab verament kuntent li l-MCAST qed tieħu l-passi u d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex istituzzjoni bħalha tibqa’ dejjem tikber u timxi ’l quddiem”.

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Prof. Joachim James Calleja, spjega li, “L-istrategija tagħna hi li nkomplu noħolqu opportunitajiet ta’ investiment fit-taħrig vokazzjonali li jiffaċilita l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa. Bħala pajjiż għandna nkomplu niffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet li jtejbu l-impjegabbiltà. Nemmnu li dan l-investiment għandu jitgawda kemm mill-istudenti full-time u kemm minn dawk li jiġu għal korsijiet part-time. Se nkomplu nirsistu fuq l-idea ta’ 24 hour Campus u Industry on Campus. Irridu noħolqu spazju dinamiku għat-tagħlim fejn l-għarfien u l-innovazzjoni jirnexxu”.

Il-Kap tal-Proġetti tal-MCAST, l-Inġ. Jesmond Zammit, spjega li l-binja tiġbor fiha numru ta’ attivitajiet tal-kulleġġ, fosthom iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-MCAST, Learning Support Unit kif ukoll Ċentru tar-Riżorsi u l-librerija. Il-binja tinsab fuq parkeġġ li jinsab taħt l-art li tifforma parti mill-pjazza ċentrali tal-kampus.

Il-binja għandha 2,300 metri kwadri u mifruxa fuq 4 sulari – b’kollox 9,448 metri kwadri. Id-disinn jinkludi wkoll l-aktar teknoloġija moderna li tiffranka l-enerġija u miżuri biex ibaxxu l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-operat. L-enfasi fuq iż-żoni tal-madwar se tkun fuq l-ispazji ħodor u l-pajsaġġ.

Fi ħdan l-MRC se jkun hemm diversi faċilitajiet u servizzi għall-istudenti fosthom 2 spazji għal esebizzjoni, auditorium, 14-il uffiċċju għad-diretturi u għall-managers, 2 boardrooms, 16-il klassi, kafetterija, librerija maqsuma fuq żewġ sulari kif ukoll spazju fejn wieħed jista’ jaħdem u jistudja, siġġijiet barra, kamra tal-proġetti u kamra tal-logħob.

L-MRC huwa binja multi-purpose li fiha se jkun hemm faċilitajiet adekwati għat-tħejjija tal-istudenti li se jkunu speċjalizzati f’oqsma vokazzjonali speċifiċi kif meħtieġ mill-industrija.

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Librerija u t-Tagħlim (LLRC) fil-binja se joffri varjetà ta’ riżorsi u ta’ teknoloġiji utli tal-informazzjoni għall-istudenti u għall-edukaturi.

It-Taqsima ta’ Għajnuna fit-Tagħlim se tkun ukoll f’dan il-bini biex taħdem mill-qrib mal-istituti tal-MCAST biex jiġi żgurat li l-istudenti jirċievu l-appoġġ akkademiku neċessarju ħalli jiksbu l-ħiliet akkademiċi u jsiru indipendenti fl-istudji tagħhom.

Il-proġett b’investiment ta’ 10 miljun ewro huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 (ERDF).

Ekonomija

Sport