Friday, April 19, 2024

Miriam Dalli tħeġġeġ kontra r-rimi ta’ sigaretti fil-baħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaxar snin. Daqshekk idumu l-fdalijiet tas-sigaretti biex jiddiżintegraw fil-baħar. Dan minbarra l-ħsara li ssir mill-kimiċi fis-sigaretti fil-baħar.

L-MEP Miriam Dalli semmiet dan waqt attività li saret illum fil-bajja tal-Għadira, li matulha ġew imqassma numru ta’ ashtrays li ġġorrhom miegħek u li jintużaw aktar minn darba. Dan sabiex min iżur il-bajja jżomm lura milli jarmi sigaretti fir-ramel. Numru ta’ ashtrays tqassmu wkoll lis-sidien tal-gabbani u dawk li jikru l-umbrelel, li qalu li osservaw numru ta’ nies jarmu s-sigaretti mal-ġnub tal-bajja, fejn jimxu n-nies.

L-MEP Dalli kienet akkumpanjata minn Ray Tabone mid-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni u numru ta’ parteċipanti mill-kampanja ta’ Small Changes Big Impact, fosthom Eleanor Borg li tirrapreżenta l-NGO Żibel.

L-għawwiem u l-attivist Neil Agius huwa wieħed mill-aħħar ismijiet li ngħaqdu mal-inizjattiva.
Meta tkellmet waqt l-avveniment l-Għadira, l-MEP Dalli qalet li sfortunatament, bajjiet nodfa ma jseħħux b’kumbinazzjoni, iżda għax hemm nies dedikati li jaħdmu bla heda biex iżommu l-ambjent fl-istat naturali tiegħu.

Ray Tabone qal li d-dipartiment tat-tindif u tal-manutenzjoni iqabbad 600 persuna biex jaħdmu fuq bajjiet madwar il-gżejjer. Minbarra t-tindif ta’ aktar minn 50 bajja matul is-sajf, ix-xogħol tagħhom ikompli anke matul ix-xitwa, fejn is-sena l-oħra tneħħew 2,842 tunnellata ta’ alka, maħżuna u miżmuma għall-bdiewa li jkunu jriduha. Isir ukoll tindif ta’ dustbins u s-separazzjoni tal-iskart, b’540 tunnellata ta’ skart inġabru s-sena li għaddiet.

Eleanor Borg mill-NGO Żibel qalet li f’ħames sigħat ta’ tindif, inġabru xejn inqas minn tliet tunnellati ta’ skart mill-baħar. Tkellmet dwar il-fatt li minkejja l-għarfien u l-kampanji, xort qed jintrema ammont sostanzjali ta’ skart fil-baħar.

L-MEP Dalli ħeġġet lill-persuni li jmorru fil-bajja biex jagħmlu użu minn affarijiet bħal portable ashtrays, sakemm ma jistgħux jieqfu jpejpu għal kollox. “L-għażliet żgħar f’ħajjitna jikkontribwixxu lejn impatt kbir,” ikkonkludiet Dalli.

Il-proġett ‘Small Changes Big Impact’ (tibdiliet żgħar b’impatt kbir) huwa mmexxi minn Miriam Dalli bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 50 parteċipant u NGOs li qed jaħdmu flimkien biex joħorġu bi proposti li jistgħu jippromwovu l-ekonomija ambjentali f’pajjiżna. Negozji sostenibbli, tmexxija effiċjenti tad-djar, metodi nodfa ta’ trasport, żvilupp urban, agrikoltura sostenibbli u enerġija nadifa huma fost is-suġġetti diskussi matul il-proġett li huwa miftuħ għal nies minn kull qasam tal-ħajja, li jixtiequ jagħmlu differenza fil-politika ambjentali.

Il-proġett tnieda f’Marzu u minkejja COVID19, ix-xogħol tal-gruppi differenti f’dan il-proġett kompla b’ diversi laqgħat remoti. Matul dawn il-laqgħat, ġew diskussi ideat u suġġerimenti li se jinġabru u jiġu ffurmati f’dokument ta’ politika li se jiġi ppreżentat fuq livell nazzjonali. Il-membri tal-inizjattiva organizzaw laqgħat mal-partijiet interessati ewlenin, esperti, negozjanti, NGOs u entitajiet oħra varji, biex jiddeterminaw il-proposti li jagħmlu sens għall-policy paper.

Sport