Friday, May 3, 2024

“Malta tistenna ftehim ġust” – is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Malta qed tistenna dan il-ftehim ġust dwar il-qafas finanzjarju multiannwali u l-fond ta’ rkupru biex jindirizza kwistjonijiet li jolqtu lil Malta”, qal is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali, li fih iltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Ewropej waqt videoconference.

Din il-laqgħa ssejħet biex isiru l-aħħar preparamenti għall-Kunsill Ewropew li se jsir nhar il-Ġimgħa u nhar is-Sibt, 17 u 18 ta’ Lulju. L-għan tal-Kunsill Ewropew huwa li jintlaħaq ftehim bejn l-istati membri dwar il-qafas finanzjarju multiannwali 2021-2027 u l-pjan ta’ rkupru li se jindirizza l-kriżi COVID-19, ibbażat fuq il-proposta tal-President tal-Kunsill Ewropew.

Dr Zrinzo Azzopardi rrimarka li fl-aħħar snin, Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku b’saħħtu u tnaqqis sostanzjali fir-rata tal-qgħad. Malta m’għandhiex tkun penalizzata għall-iżviluppi fir-rigward tal-fond tal-irkupru, iżda dan għandu pjuttost iservi ta’ xprun għal aktar tkabbir. Aktar minn hekk, filwaqt li l-ħtiġijiet tal-istati gżejjer ġew riflessi fl-aħħar proposti, kwistjonijiet oħra għadhom ma ġewx solvuti.

Dwar l-aspett tal-finanzjament, is-segretarju parlamentari enfasizza li Malta għandha sensitivitajiet li ilhom jeżistu dwar elementi proposti fid-diskussjoni. Aktar taħdidiet dwar dawn l-elementi f’dan l-istadju jistgħu potenzjalment jimpattaw it-tmiem f’waqtu ta’ dawn in-negozjati.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi kkonkluda li Malta, quddiem dawn l-isfidi, bħalma dejjem kienet, se tibqa’ pożittiva u lesta tagħmel kompromessi. Madanakollu jeħtieġ li l-ftehim ikun wieħed ġust.

Sport