Monday, November 11, 2024

L-UAE jinqeda bil-COP28 biex jagħmel ftehimiet dwar fjuwils fossili

Aqra wkoll

Dokumenti ta’ tagħrif li ħarġu fil-beraħ li jiżvelaw pjanijiet tal-Emirati Għarab Maqgħuda biex jiġu diskussi ftehimiet dwar il-fjuwils fossili ma’ 15-il pajjiż, ċajpru t-tamiet li seta kien hemm biex li l-gvernijiet jaqblu dwar kif irażżnu u jħejju għat-tibdil tal-klima fil-futur.

L-Emirati Għarab Maqgħuda (UAE) huwa l-pajjiż li se jospita l-COP 28. Il-korp tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-summit COP28 qal hu mistenni li jaġixxu mingħajr preġudizzju dwar dak li ġie żvelat.

Uffiċjalment l-UAE, ma ċaħadx li uża l-laqgħat tal-COP28 għal taħdidiet tan-negozju, iżda rrifjutat li jikkummenta dwar dak li ġie diskuss fil-laqgħat u qal li l-ħidma kienet iffukata fuq “azzjoni klimatika sinifikanti”.

Id-dokumenti miksuba minn ġurnalisti indipendenti fiċ-Ċentru għar-Rappurtar tal-Klima  inkludew “punti ta ‘taħditiet” proposti, bħal dak li jgħid li Adnoc, il-kumpanija taż-żejt statali tal-UAE, hija lesta li tevalwa b’mod konġunt opportunitajiet internazzjonali ta’ LNG (gass naturali likwifikat) fil-Możambik, il-Kanada u l-Awstralja. Id-dokumenti jiskopru wkoll kif Adnoc hija lesta biex tappoġġja lill-Kolombja biex tiżviluppa r-riżorsi tagħha tal-fjuwils fossili.

Hemm ukoll punti ta’ diskussjoni għal 13-il pajjiż ieħor, inklużi l-Ġermanja u l-Eġittu, li jissuġġerixxu li  Adnoc taħdem mal-gvernijiet tagħhom biex jiżviluppaw proġetti ta’ fjuwils fossili. Id-dokumenti jkomplu jikxfu li l-UAE ħejjew ukoll punti ta’ diskussjoni dwar opportunitajiet kummerċjali għall-kumpanija tal-enerġija rinnovabbli tal-istat tagħha, Masdar, qabel laqgħat ma’ 20 pajjiż, inklużi r-Renju Unit, l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Arabja Sawdija, l-Eġittu u l-Kenja.

Il-COP28 hija l-aħħar sessjoni tan-NU ta’ taħdidiet globali dwar il-klima. Din is-sena qed tiġi ospitata mill-UAE f’Dubaj u se jattendu għaliha 167 mexxej dinji, fosthom il-Papa Franġisku u r-Re Karlu III tar-Renu unit.

It-tama hija li l-COP28 tgħin biex tillimita ż-żieda fit-temperatura globali fit-tul għal 1.5C, li x-xjenzati tal-klima tan-NU jgħidu li huwa kruċjali biex jiġu evitati l-agħar impatti tat-tibdil fil-klima.

Il-laqgħat tal-COP28 se jkunu taħt il-presidenza ta’ Dr Sultan al-Jaber mill-UAE billi kull sena n-nazzjon ospitanti jaħtar rappreżentant biex ikun il-president tal-COP.

Il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-gvernijiet barranin hija waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tal-presidenti tal-COP. Huwa xogħol il-president li jħeġġeġ lill-pajjiżi jkunu kemm jista’ jkun ambizzjużi fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet.

Id-dokumenti ta’ informazzjoni li ġew żvelati kienu ppreparati għal Dr Jaber li huwa wkoll Kap Eżekuttiv tal-kumpanija ġgant taż-żejt statali tal-UAE, Adnoc. 

Skont ir-regolamenti jekk president tal-COP jipprova jagħmel ftehimiet kummerċjali matul il-proċess tal-COP ikun qed jikser serjament l-istandards tal-etika. Dawn l-istandards huma stabbiliti mill-korp tan-NU responsabbli għan-negozjati dwar il-klima, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

F’laqgħat ta’ din l-importanza kbira, il-president tal-COP ikun il-mexxej tad-dinja li jipprova jibni kunsens f’isem il-pjaneta. Jekk xi president tal-COP jipprova jġib interess partikolari, inkluż interess kummerċjali, dan jista’ jfisser il-falliment tal-COP.

Sport