Monday, May 13, 2024

Erba’ membri ta’ grupp kriminali kkundannati 22 sena ħabs bejniethom fuq serq

Aqra wkoll

Erbat irġiel mill-Ġorġja li jgħixu f’San Pawl il-Baħar kienu kkundannati 22 sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li wettqu disa’ serqiet minn residenzi f’Malta fl-2021.

Zaza Sasania ta’ 50 sena, Luka Mikadze ta’ 45 sena, Zurabi Ratiani ta’ 43 u Tengizi Giorgadze ta’ 40 sena, instabu ħatja ta’ 21 akkuża, fosthom li jiffurmaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata u li wettqu ħsara fuq proprjetà, minbarra diversi akkużi ta’ serq aggravat.

L-irġiel kienu tressqu fil-Qorti f’Marzu tal-2021 u għall-ewwel huma kienu wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Huma iżda mbagħad ammettew l-akkużi f’seduta li saret fit-8 ta’ Novembru ta’ din is-sena.

Fil-Qorti ħareġ li l-irġiel kienu serqu ġojjelli u oġġetti oħra ta’ valur minn residenzi fil-Mosta, Birkirkara, il-Manikata, Tas-Sliema u San Ġwann.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ikkundannathom piena ta’ ħames snin u nofs ħabs kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca, Saviour Baldacchino u Christina Delia.

L-Avukat Noel Bianco deher għall-erbat irġiel.

Sport