Monday, May 13, 2024

X’se jiġri wara rapporti mill-KPKK?

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (KPKK) ippreżentat rapporti dwar investigazzjonijiet li għamlet abbażi ta’ allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, l-eks-Ministru u Deputat Laburista Michael Farrugia u l-Ministri Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli. Minn dak allegat fuqhom lill-KPKK ma rriżultalha xejn. Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni hija ffurmata mill-Imħallef irtirat Dr Lawrence Quintano, mill-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u minn Dr Philip Magri.

Se neħodhom każ każ peress li kien hemm allegazzjoni fil-konfront tal-eks-Prim Ministru fimkien mal-eks-Ministru Michael Farrugia u kien hemm allegazzjoni fil-konfront tal-Ministri Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli.

Fir-rigward tal-allegazzjoni fil-konfront ta’ Dr Joseph Muscat kienet saret talba lill-KPKK minn Arnold Cassola biex tinvestiga l-għoti ta’ rigali, arloġġ u fliexken tal-inbid Petrus lil Dr Muscat mingħand Yorgen Fenech.

Fil-konklużjoni tagħha dwar din l-allegazzjoni l-KPKK qalet li “minn dak li semgħet ma jirriżultawx li ngħataw l-arloġġ jew l-inbid biex ikun hemm xi vantaġġ ekonomiku, anzi fil-każ tal-Imrieħel pjuttost setgħu ntilfu xi flus mill-konsorzju bil-bidla fil-policy.

“Lanqas ma kien hemm ir-reat ta’ ‘trading in influence’ għaliex ukoll dan ir-reat għandu l-elementi tiegħu u, kif hemm fl-Explanatory Report dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill Ewropew rigward il-korruzzjoni jkun jinħtieġ l-element tal-go-between. Minn dak li semgħet il-Kummissjoni dan l-element ma jirriżultax.

“Il-Kummissjoni hija wkoll sodisfatta bl-ispjegazzjoni dettaljata li ta l-Onorevoli Dr Michael Farrugia dwar il-proġett tat-towers tal-Imrieħel kif ukoll li l-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech ma kenitx dwar l-Imrieħel imma dwar Portomaso.”

Is-sabiħa hi li milli ħareġ fl-investigazzjoni jidher li l-arloġġ li ngħata bħala rigal ma kienx uniku. Bħalu kienu diġà ngħataw lil ħaddieħor mill-istess persuna. Isbaħ minn hekk irriżulta wkoll lill-KPKK li Dr Joseph Muscat kemm l-arloġġ kif ukoll il-fliexken tal-inbid għaddihom lill-Istat.

Ħaddieħor għamel hekk?

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Ministri Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli se nirriproduċi post li tellgħet fuq Facebook il-Ministru Farrugia Portelli.

Fil-post tagħha l-Ministru Farrugia Portelli qalet hekk: “L-onestà tirbaħ fuq il-ħmieġ. Dħalt fil-politika nadifa u rrid noħroġ nadifa. Nilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport miIl-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li kkonfermat li ‘ma hemmx provi dwar xi att ta’ korruzzjoni mwettaq minn xi uffiċċjal pubbliku jew minn xi Ministru.’

“Dan b’rabta ma’ allegazzjonijiet li saru snin ilu fil-konfront tiegħi u tal-kollega Ministru Owen Bonnici fil-qadi ta’ dmirijietna meta konna responsabbli mill-programm tal-IIP. Fi kliem sempliċi dak li kien imbuttat tant mill-midja tal-PN u n-nies tal-establishment ma kien xejn għajr gideb bla bażi.

“Fix-xhieda tiegħi kont spjegajt kif dan kien attakk sistematiku fuq Malta. Ġurnalisti Franċiżi kienu talbuni intervista fuq suppost il-programm tal-IIP, ħallsu l-vjaġġ, nefqu eluf ta’ ewro biex niżżlu crew sħiħ Malta, meta f’intervista ta’ 16-il minuta mkien qatt ma staqsewni fuq dak li suppost ġew għalih f’pajjiżna. It-tajn li ntefa’ biex tinħoloq stampa ta’ ħbiberija bejni u bejn aġenta tal-IIP hu infondat, għax kif spjegajt taħt ġurament, l-unika konnessjoni kienet li jien u l-aġenta konna fl-istess vann tal-iskola meta kellna 10 snin.”

Post fuq dawn l-istess linji tellgħu wkoll fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu l-Ministru Owen Bonnici.

Mela, wara t-tfigħ ta’ daqstant tajn, wara ħafna daqq ta’ tnabar u allegazzjonijiet waħda wara l-oħra biex issa ma rriżulta xejn, x’se jiġri? L-irġulija titlob li min għamel l-allegazzjonijiet għandu jagħmel mill-inqas apoloġija. Min mela ma nafx kemm paġni fil-ġurnali biex iżejjen, iħammeġ u joskura lill-persuni konċernati, għandu almenu jgħid x’kienu l-konklużjonijiet li waslet għalihom l-KPKK. Jew qed nippretendi żżejjed?

Imma jien nħoss li għandi mmur bogħod aktar minn hekk. Inħoss li għandi nitlob rendikont finanzjarju ta’ kemm swew lill-pajjiż l-investigazzjonijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet infondati. Meta ngħid kemm swew finanzjarjament lill-pajjiż ifisser kemm swew lilek u lili mit-taxxi li nħallsu. Hekk sewwa allura?

Donnu li hemm interess qawwi biex dawn ir-rapporti ma jingħatawx ir-rappurtaġġ li jixirqilhom. Fejn huma dawk li għal kull ħaġa ta’ xejn iwerżqu dwar is-saltna tad-dritt? Dwar il-ġustizzja. Fejn inħbew?

Din il-gazzetta rrappurtat li meta l-KPKK iltaqgħet ma’ Arnold Cassola (dwar l-allegazzjoni fil-konfront ta’ Dr Joseph Muscat) biex tara x’informazzjoni kellu, huwa qal li kien qed joqgħod biss fuq dak li kien intqal fil-mezzi tax-xandir!

Jekk dan li rrappurtat ‘It-Torċa’ huwa korrett allura hemm ħafna x’jingħad u x’ikun mistoqsi. Per eżempju: liema kienu l-mezzi tax-xandir li qagħad fuqhom Arnold Cassola? Cassola ħass li għandu jivverifika jekk il-mezzi tax-xandir li kkunsidrahom bħala sors ta’ informazzjoni kienux korretti fir-rapporti tagħhom? Jew qabad tali rapporti u għamilhom tiegħu u l-aqwa li jagħmel ħoss għax ressaq talba għal investigazzjoni?

[email protected]

1 kumment

  1. Il PN FAVUR LABORT?Qed naghmel din il mistoqsija ghax jekk DAVID CASA se johrog ghall parlament ewropew kif accettah il pn.Meta Casa biex ressaq mozzjoni kontra Malta kella fija li Malta taccetta labort.Xe jsir issa sur kap tal pn.Jekk taccettaw lill Casa qed taccettaw LABORT IVA jew LE.

Comments are closed.

Sport